• Archbishop’s Message during a meeting of the European Community of Charles de Foucauld

  • Monasteru tas-Sorijiet Klarissi, S. Ġiljan
    19 ta’ Lulju 2013

    ​Meta l-Mulej ġie fuq din l-art, seta’ ġie bil-kburija biex juri d-divinita tiegħu. Dan kien ikun f’konformità ma’ dak li l-bnedmin jaħsbu dwar id-Divinita: il-kobor tagħha, l-infinita tagħha.
    Minflok, Sidna Ġesù Kristu għażel ix-xejn, il-faqar, l-umiltà biex jiġi fostna. Ried li aħna nersqu lejh b’mod spiritwali: billi fix-xejn u fl-umiltà, permezz tat-tagħlim u s-sinjali tiegħu, aħna  naraw id-Divinita tiegħu.

    Dan li aħna nsibu fil-Vanġelu tal-lum (Lk 14, 8-14): li l-mixja lejn Alla ġiet muriha lilna minn Sidna Ġesù Kristu. Il-mixja lejn Alla trid tgħaddi mill-umiltà: huwa Alla li mbagħad jintervjeni biex jagħtina post fil-ħajja eterna. Barra minn hekk, l-imħabba pura, billi ma tistenna xejn mill-oħrajn, hija kontinwazzjoni ta’ din it-tfittxija għal Alla: l-imħabba lejn l-oħrajn għandha takkompanja t-tfittxija għall-imħabba t’Alla. L-imħabba tal-Beatu Charles lejn l-oħrajn  tirrifletti din l-imħabba. Fir-Regola tal-Little Brothers insibu: “L-appostolat tiegħi għandu jkun l-appostolat tat-tjieba. Kieku xi ħadd kellu jistaqsi għaliex jien manswet u twajjeb, jiena għandi ngħid: “il għaliex jien l-qaddej ta’ xi ħadd li huwa aħjar minni”.

    Fid-dawl tal-ewwel lezzjoni tal-lum, meħuda mill-Ktieb tal-Għerf, nistgħu naraw kif il-Beatu Charles kien iħares lejn il-bnedmin, il-bnedmin kollha fid-dawl tal-fidi tiegħu.  Dawn il-versi ċertament ispirawh tul ħajtu kollha: “Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox; int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma jindmu… Int, o Sid, li tħobb kull ma jgħix, lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek, Mulej li tħobb il-ħajja” (ara Għerf 11, 23-12,2). F’dawn il-versi nistgħu nifhmu aħjar il-mod kif Il-beatu Charles kien iħares lejn bnedmin oħra, kemm jekk kienu ta’ razza oħra bħat-Touareg, jew ta’ reliġjon oħra bħall-Musulmani. Irridu niftakru li l-ewwel pass tiegħu lejn il-konverżjoni wasal meta ra Musulmani devoti jitolbu.

    Fil-perijodu tal-ħajja li l-Beatu Charles de Foucauld għadda f’Nazzarett, kien tfittxija ta’ din il-kwalità ta’ spiritwalità: “Il-Mulej tani l-ħila biex insib dak li kont qed infittex: l-imitazzjoni ta’ dik li kienet il-ħajja tal-Mulej Ġesù, fl-istess Nazzarett…”. “Nixtieq ħafna li fl-aħħar mill-aħħar nibda ngħix dik il-ħajja li skoprejt meta kont nimxi f’Nazzarett, f’dawk il-mogħdijiet li mxew fuqhom ir-riġlejn tal-Mulej, li kien mastrudaxxa jgħix moħbi u emarġinat”.

    Wara sebgħa snin ta’ spiritwalità li għex mal-Patrijiet Trappisti, mar l-Art Imqaddsa, biex ifittex li jkun tassew segwaċi ta’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li l-ħajja tiegħu wara l-konverżjoni tiegħu kienet maqsuma fi tlett stadji. L-ewwelnett mar għand il-Patrijiet Trappisti fejn skopra l-ispiritwalità, li tkun viċin t’Alla. Imbagħad mar l-Art Imqaddsa fejn dam għal erbgħa snin sas-sena 1900: hawn b’mod speċjali skopra il-mixja ta’ Kristu fuq l-art, biex jimitah. Wara li sar saċerdot fl-1901 mar jgħix ta’eremit, imma fi fraternità, billi fetaħ id-dar tiegħu għal kulħadd. Hawn seta jgħix il-kliem tal-Vanġelu li fil-bidu biddillu ħajtu. Waqt li kien fl’Alġerija, ftit xhur qabel ma miet huwa kiteb: “Jien nemmen li m’hemmx kelma fil-Vanġelu li ħalliet impressjoni iktar profonda fija u bidlitli ħajti minn din: “kull ma tagħmlu mal-iżgħar minn dawn, tagħmluh lili”. Reġa kiteb: “Nixtieq li l-bnedmin kollha li jgħixu hawn, jaraw fija lil ħuhom, ħuhom universali. Diġa bdew isejħu din id-dar ‘Aħwiġa’ jew ‘Fraternità’ u dan l-isem jagħtini ferħ kbir”.

  • Nazzarett

    Hawn se nagħmlu riflessjoni fuq iż-żmien li l-Beatu Charles għadda f’Nazzarett. Imma x’kien Nazzarett għal Sidna Ġesù Kristu?

    Kien post fejn seta jgħix maqtugħ min-nies, f’ħajja moħbija, imma post ukoll fejn tkompliet l-Inkarnazzjoni. Għex għal tletin sena fost niesu, u sar jafhom sewwa.  Il-Beatu de Foucauld kien jaf li l-uniku mod kif seta jiddjaloga ma’ bnedmin oħra,  kien billi jkun jafhom, jitgħallem il-kultura tagħhom, il-lingwa tagħhom. Għalhekk għex magħhom, speċjalment mat-Touareg. Tgħallem il-lingwa tagħhom u saħansitra ħareġ dizzjunarju tal-lingwa tagħhom.

    Nazzarett kien il-post fejn tkompliet il-konverżjoni tiegħu; din bdiet permezz tar-reliġjożità tal-Musulmani għax l-ewwel kien mar il-Marokk. Nazzarett kien il-post fejn iltaqa’ ma’ Ġesù Kristu, fit-tagħlim tiegħu, fil-Vanġeli, fil-ħajja tiegħu. Għalhekk mar Nazzarett biex ikun viċin il-post fejn il-Mulej fl-umanità tiegħu, kompla jikber fil-grazzja, mdawwar  bil-familja tiegħu. Għal Beatu Charles il-‘familja’ f’Nazzarett kienu l-Klarissi li kienu jipprovdulu l-bżonnijiet tiegħu. Imma, f’Nazzarett huwa għex il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u dak li jixtieq ikun l-ikbar għandu jiġi l-aħħar. Huwa qala’ l-għixien tiegħu billi ħadem ta’ qaddej għal Klarissi: “li dejjem nixtieq li nkun ta’ l-aħħar, fl-inqas post biex inkun ċkejken bħalma kien l-Imgħallem tiegħi”.

    Il-Mulej stenna f’Nazzarett sakemm huwa joħroġ ixandar il-Kelma. Għal Beatu Charles, Nazzarett kien il-post fejn skopra l-vokazzjoni vera tiegħu: li jifforma fraternitajiet. Huwa għaraf li ż-żmien li għadda mat-Trappisti, iż-żmien li għadda bħala eremit, kienu biss tħejjija għal missjoni aħħarija li l-Mulej riedu jwettaq ħalli jifforma fraternitajiet tal-Little Brothers u l-Little Sisters fil-Knisja kollha.

    U hemmhekk skopra l-missjoni għas-saċerdozju. Ma kienx don personali li kien qiegħed ifittex, imma don għall-fraternità biex l-Ewkaristija Mqaddsa tkun dejjem preżenti fil-fraternità. Kien ordnat saċerdot fil-1901. Immedjatament mar l-Alġerija u fetaħ l-ewwel fraternità. Imbagħad fl-1904 mar għand it-Touareg fejn għex sa’ l-aħħar ta’ ħajtu.

    Konklużjoni

    Jiena naħseb li l-Beatu Charles de Foucauld ħalla dan il-wirt għal posterità: Huwa qal li wieħed jista’ jgħix Nazzarett kullimkien.

    • lill-fraternita tal-Little Brothers u Little Sisters huwa kiteb fir-Rule of Life tiegħu: Nazzarett  għandha titniżżel u għandha tkun preżenti fl-imħabba”. Huwa ttrasforma ir-reliġjon fl-Imħabba. “Wieħed jista’ jgħix Nazzarett kullimkien”. “L-imħabba tikkonsisti mhux filli nħossu li aħna nħobbu imma illi nixtiequ li nħobbu”.
    • Hu wriena li l-qalb f’kull intrapriża hija l-Ewkaristija u l-Adorazzjoni.
    • Huwa ġie maqtul waqt li kien mat-Touareg. Huwa wriena l-urġenza li wieħed jagħmel il-ġid.  Xi żmien qabel ma miet, huwa kiteb: “Ma nistax ngħid li nixtieq il-mewt. Fil-passat kont nixtieqha imma issa nara li hemm tant ġid li jrid isir, tant erwieħ mingħajr ragħaj, li iktar minn kull ħaġa oħra, nixtieq nagħmel xi ftit ġid”.
    • Jenħtieġ li naqraw u nerġgħu naqraw mingħajr tlaqliq il-Kelma t’Alla, biex inżommu f’moħħna il-kliem u l-ħsibijiet ta’ Ġesù biex nibdew naħsbu, nitkellmu b’mod li nimitaw lil Ġesù”.

    ​+ Pawlu Cremona O.P.

        Arċisqof ta’ Malta