Seminarju tal-Arcisqof, Tal-Virtu, Ir-Rabat
1 ta’ Settembru 2012
It-tlett lezzjonijiet li kellna llum juruna x’inhija l-funzjoni tas-saċerdot. U kont nispjegaha hekk: is-saċerdot huwa dak li għamel Ġesu, allura li kien ġdid għax għamlu Ġesu, jgħaddih lilna. U t-tlett lezzjonijiet tal-lum qed jagħtuna tlett eżempji li huma differenti f’dan id-dawl.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum kellna lil Mose u qiegħed jgħid lill-poplu tiegħu: “Min qatt kellu Alla bħalma għandna aħna li huwa qrib tagħna li kapaċi jimxi magħna, li kapaċi jiddefendina?” U dawn kienu għadhom ma rawx la lil-Iben t’Alla isir bniedem u lanqas kienu raw lil Iben t’Alla iktar u iktar isir Ewkaristija. U allura l-ewwel funzjoni tas-saċerdot hija biex iqarreb lin-nies li jixtiequ jersqu lejn il-Mulej Ġesu u jqarribhom ħafna lejn Ġesu li qiegħed fl-Ewkaristija. Huwa dak il-mezz li permezz tiegħu wieħed jersaq lejn l-Ewkaristija hekk li hu u l-Ewkaristija jsiru ħaġa waħda. Hija miraklu kbir. Aħna kultant, forsi anke aħna bħala saċerdoti kultant meta nkunu qegħdin anke nqarbnu, ninsew dan il-misteru kbir li aħna nkunu qegħdin nagħmlu dak il-ħin. Allura tajjeb li nieħdu din l-okkażjoni li kellna ta’ l-ewwel lezzjoni tal-lum u niftakru kemm Alla hu qarib u kemm aħna nistgħu lil Alla nħalluh qarib tagħna.
It-tieni lezzjoni tal-lum kienet lezzjoni meħuda minn S.Ġakbu u jitkellem fuq id-doni kbar li Alla l-Imbierek jagħti lin-nies ta’ madwaru, lil dawk li jistgħu jagħmlu t-tajjeb bihom. U jispiċċa u jgħid: “Intom tridu tieħdu ħsieb tar-romol u tal-orfni”. U allura it-tieni riflessjoni hi li kien hemm Sidna Ġesu Kristu li għaqqad għall-ewwel darba fl-istorja l-imħabba tiegħu: “Ħobb ’l Alla tiegħek b’qalbek kollha u ruħek kollha” u għaqqadha mal-kelma l-oħra li għamilha bħala parti minn dan l-ewwel kmandament: ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma jistax wieħed jirċievi minn għand Alla u jirringrazzjah jekk, fl’istess waqt, hu ma jgħinx lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu. U s-saċerdot huwa dak li jfakkar lil poplu t’Alla u għalhekk issir il-ġabra fil-quddiesa biex infakkru lil poplu t’Alla li aħna wkoll minn dak li tana Alla l-imbierek, aħna rridu nagħtu lil oħrajn għax hekk qalilna l-Mulej.
L-aħħar riflessjoni hi mill-Vanġelu tal-lum; kienet riflessjoni li teħodna daqsxejn lura fiż-żmien. Fi żmien Ġesu kienu għadhom bid-drawwa li biex tneħħi n-nuqqasijiet tiegħek, kienet biżżejjed tnaddaf it-tazzi, tnaddaf dawk l-affarijiet li kienu jużaw għall-ikel. U huma minn għalihom li kien biżżejjed. U jiġi Ġesu u jgħidilhom: “X’inhu biżżejjed? Li inti għandek xi ħadd kontrik u tipprova taħfirlu jew li inti għandek tazza u tnaddafha biss u rasek mistrieħa li marret?” Allura Ġesu fil-Vanġelu tal-lum daħħal ukoll is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Għaliex? Għaliex il-veru ġlieda ma ssirx barra minna, mal-ħmieġ li hemm barra minna, imma l-veru ġlieda ssir ġo l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna biex jara fejn hemm in-nuqqas tagħna u jidħol fi ġlieda spiritwali interna, anke billi jitlob il-maħfra, biex ikun jista’ jneħħi dawn id-dnubiet, in-nuqqasijiet li jkun hemm ġewwa fihom. Is-saċerdot huwa ministru ta’dawn l-affarijiet ġodda li Sidna Ġesu Kristu tana fil-lezzjonijiet tal-lum.
Jien nixtieq ngħid xi ħaġa ta’ fatt. Ara taħsbu li Alla jagħżel hekk qiesu, kif irid hu mingħajr ma joqgħod jaħseb ħafna. Mihijex hekk, ħuti. Alla l-Imbierek meta jagħżel lil xi ħadd, jagħżlu b’vokazzjoni propja tiegħu. Jekk iridu qassis, qassis iridu l-Mulej u hemmhekk se jwasslu. Jekk iridu reliġjuż, hemm se jwasslu.
Daqsxejn ta’ storja biex nipprova din. Jiena kont il-Belt u kelli ħabib tiegħi li bħalissa huwa Ġiżwita, għamel ħafna żmien il-missjoni. U dan niftakar li l-familja tiegħu kienet ħafna ma’ S. Duminku – tafu li l-belt hemm S. Duminku u S. Pawl. U l-familja tiegħi ma tantx kienet tagħti każ tal-festi. Jien l-ewwel wieħed li dħalt, xi sitt xhur qablu, dħalt Duminikan. U ġiet oħtu u qaltli: “Isma dak se jidħol Ġiżwita! Għax ma tgħidlux jidħol bħalek Dumnikan?” U jien għidtitlha: “Mela jien lil Mulej se nindaħallu? Jekk iridu Ġiżwita, u fil-fatt mar il-Peru, jekk iridu Ġiżwita, min jien jien biex nindaħal?” L-għażla tal-Mulej hija għażla speċifika. Allura lill-ġenituri ngħidilhom biex jakkumpanjaw lit-tfal tagħhom fl’għażla li l-Mulej ikun se jagħmlilhom mhux jagħżlu huma imma jakkumpanjaw lit-tfal tagħhom ħalli jaraw il-Mulej verament xi jrid.
Hekk, meta nkun qiegħed f’xi għaqda bħalma hija din li qegħdin flimkien, jiena ngħid kemm nixtieq nsemmi żewġ grajjiet mill-Iskrittura Mqaddsa. L-ewwel ġrajja hija li kull min jidħol hawnhekk u kull min ikun ġo kappella bħal din, li hija kappella tal-vokazzjonijiet, jisma dak il-kliem ta Ġesu: itolbu għaliex il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit. U ma qalilniex biex nagħmlu affarijiet oħrajn. Itolbu, itolbu lil Sid l-Ħsad! Nixtieqkom ilkoll li t-talb tal-vokazzjonijiet tagħmluh parti mit-talb tagħkom.
U l-aħħar ħaġa: storja oħra u ma nixtieqiex li tispiċċa l-istess: li jkollok ħafna żgħażagħ bħal dak iż-żgħażugħ għani li jmorru fuq Ġesu u jgħidulu: “Mulej, x’għandna x’nagħmlu aħna biex inkunu nistgħu nimxu warajk?” U Ġesu qal liż-żgħażugħ: “Mur, neħħi kull ma għandek u imxi warajja”. Tafu li dak iż-żgħażugħ ma marx wara Ġesu għax kien għani ħafna. Jalla iż-żgħażagħ kollha li l-Mulej isejħilhom ma jkunux għonja ħafna ħalli ma jkollhomx ħafna xi jħallu warajhom, ħalli huma jkunu jistgħu jimxu bil-liberta’ kollha wara l-Mulej Ġesu.