Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, Birkirkara
6 ta’ Ottubru, 2012
Il-Ħtieġa tal-Fidi
Fil-preżentazzjoni tal-pastorali għamilt mistoqsija għalija, nittama li ngħinkom mhux infixkilkom. U l-mistoqsija li għamilt: għaliex il-fidi? Mhux x’inhi l-fidi, imma għaliex hemm bżonn il-fidi? U se nipprova nagħmel daqsxejn ta’ riflessjonijiet, kif deherli jien, għaliex għandna bżonn il-fidi.
Skont il-Ktieb tal-Ġenesi, fl-ewwel u t-tieni kapitli, ma kienx hemm bżonn fidi. Alla u l-bniedem kienu jitkellmu ma’ xulxin, jimxu fit-triq u fit-triq jiltaqgħu u jitkellmu. Meta sar id-dnub hija ħaġa li ma setgħetx tkompli għax l-għajnejn tal-bniedem ma baqgħux miftuħin biżżejjed biex jaraw ’l Alla fis-sbuħija tiegħu. Mela daħal id-dnub u ġiet l-interruzzjoni tas-sensi; is-sensi tagħna flok għenuna billi nkunu nafu lil Alla, fil-fatt, skont il-Ġenesi, tfixklu. Kemm kienet sabiħa dik il-frotta, u ħadu minnha. Jiġifieri s-sensi ġagħluhom biex jagħmlu xi ħaġa li Alla l-Imbierek kien qalilhom biex ma jagħmlux. Kienet l-ewwel darba li s-sensi tal-bniedem tfixklu f’din ir-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem.
Allura kien hemm bżonn ta’ pjan ieħor differenti għaliex Alla xorta ried jibqa’ jitkellem mal-bniedem allavolja kien hemm dak id-dnub li fixkel. Imma kien hemm bżonn att ta’ umiltà min-naħa tal-bniedem, li l-bniedem jagħmel att ta’ umiltà li permezz tiegħu ma jiqafx fis-sensi imma jmur lil hinn mis-sensi. Irid jumilja s-sensi tiegħu u aħna bħala bnedmin inkunu nixtiequ li naħkmu s-sensi kollha li hawn madwarna, nixtiequ li kollox jaqa’ taħt is-sensi. U Alla l-Imbierek ried li t-triq tiegħu tgħaddi mill-umiljazzjoni tas-sensi.
Hemm affarijiet li ma jaqgħux taħt is-sensi. Hemm affarijiet li l-bniedem irid jersaq lejhom mhux permezz tas-sensi imma permezz tal-ispirtu tiegħu. Il-Papa, kif ikkwotajnieh ukoll fil-pastorali, jgħid hekk: l-anjostiċi li huma kontinwament mistoqsijin mid-domanda ta’ Alla, dawk li jixtiequ li jkollhom qalbhom safja iżda li qegħdin ibatu minħabba d-dnub tagħhom, huma aktar qrib is-Saltna t’Alla minn dawk li jemmnu, li l-ħajja tagħhom hija biss rutina u li jħarsu lejn il-Knisja biss bħala istituzzjoni mingħajr ma jħalluha biss tmiss qalbhom jew iħallu ’l-fidi tmiss qalbhom.
Dak li qed jgħid il-Papa li huwa qawwi ħafna: jekk wieħed jorbot il-fidi tiegħu mas-sensi, jekk is-sensi tiegħu jkunu tant qawwijin – mela jiena għandi rutina, u r-rutina nista’ nkun ċert minnha u nista’ nibqa’ miexi – dawk għandhom inqas valur quddiem Alla minn dak il-bniedem anjostiku li għadu qiegħed ifittex. Ir-raġuni hija ovvja, qisha tal-pubblikan u l-Fariżew: għaliex wieħed miexi fiċ-ċertezza tiegħu nnifsu, daħlet is-suppervja; fil-każ tal-ieħor hemm l-umiltà, u allura hemm il-każ li Alla l-Imbierek jista’ jidħol fil-ħajja tiegħu.
Biex inkunu nistgħu naslu għall-fidi, Alla tana żewġ doni. L-ewwel don li l-bniedem fost l-annimali kollha, mhux jagħraf l-affarijiet biss li jaqgħu taħt is-sensi tiegħu imma kapaċi jmur lil hinn mis-sensi tiegħu u jagħraf l-affarijiet spiritwali. Mhux talli hekk, talli Alla l-Imbierek għaqqad din il-possibbiltà li tmur lil hinn mis-sensi tiegħek u għaqqadha max-xewqa spiritwali – dik qiegħda fina – xewqa spiritwali li int tkun tafhom l-affarijiet. Tiftakruh il-kliem ta’ Santu Wistin? – Mulej, inti ħlaqtna għalik u qalbna ma tkun qatt kwieta jekk ma ssibekx? – Alla tana, mela, din ix-xewqa, il-possibbiltà li mmorru lil hinn, beyond, is-sensi tagħna u tana wkoll ix-xewqa li aħna nixtiequ mmorru beyond, biex niltaqgħu ma’ xi ħaġa jew ma’ xi ħadd li mbagħad huwa Alla.
It-tieni don li tana Alla l-Imbierek hu li mhux nagħrfu l-affarijiet li jaqgħu taħt is-sensi tagħna, imma li Alla l-Imbierek ried li l-verità li hemm ġo fih, xorta jagħtihielu ’l-bniedem. Fil-każ tal-Ġenesi kienet billi jippassiġġaw fil-ġnien. Fil-każ ta’ wara d-dnub, Alla l-pjan tiegħu ma biddlux, kellu jieħu togħma oħra differenti għaliex issa ma setgħux jitkellmu ma’ xulxin imma xorta ried li jirrevelalu – hu min hu – xorta xtaq Alla l-Imbierek li jagħti lill-bniedem il-verità ta’ dak li hu Alla l-Imbierek. Mela permezz ta’ dak li naraw fis-sensi tagħna rridu ngħaddu għal dak li hemm fl-ispirtu tagħna u nħalluh jidħol ġewwa qalbna,u jsir realtà aktar mir-realtà tas-sensi tagħna. Il-fidi tibda mis-sensi tagħna, tgħaddi minn ġo fihom għal ġol-ispirtu, u ġol-ispirtu tagħna jsiru aktar ċerti minn dak li aħna naraw permezz tas-sensi tagħna biss. Fil-fatt aktar ma tonqos is-sigurtà fis-sensi tagħna, aktar tikber il-fidi. Araw fil-mard; fil-mard tibda tonqos is-saħħa tiegħek u l-fiduċja fis-sensi tiegħek u l-fiduċja fis-saħħa tiegħek. Aktar ma tibda tonqos dik, aktar tibda togħla f’dak il-mument ix-xewqa ta’ dik li hija lil hinn mis-sensi tagħna. Trid tidħol qawwa oħra li hija l-qawwa tal-ispirtu. Għalhekk Sidna Ġesù Kristu seta’ jgħid lil Tumas, it-tewmi: imberkin dawk li ma jarawx u jemmnu, imberkin dawk li l-fidi tagħhom lanqas hemm bżonn tgħaddi mis-sensi. Lanqas hemm bżonn!
Għandna dik il-kwestjoni tal-Madonna. Il-Madonna lil Kristu rxoxt ratu? Hemm min jgħid li kienet l-ewwel waħda li ratu, li wera lilu nnifsu lill-Madonna l-ewwel waħda! Jiena ngħid li lanqas ratu fil-ġisem tiegħu meta qam għax nippreferi li l-Madonna npoġġiha ma’ dawk l-imberkin, dawk li ma jarawx u jemmnu. Għaliex għandna bżonn is-sensi tagħna aħna? Biex ngħinu daqsxejn it-twemmin tagħna fil-fidi. Fil-każ tal-Madonna ma kellhiex bżonn għaliex il-fidi tagħha kienet qawwija biżżejjed.
Naħseb li l-fidi tagħna trid tibda mill-ewwel att ta’ fidi: Alla jeżisti. F’dak il-mument li l-bniedem jgħid li Alla jeżisti jkun qiegħed diġà jkisser il-materjalità ta’ madwaru u diġà jkun ħareġ lejn xi ħaġa li tmur lil hinn mis-sensi tiegħu. Il-fatt li l-bniedem ikun qalha li Alla jeżisti, huwa għemil ta’ umiljazzjoni tas-sensi tagħna. Is-sensi tagħna jiġu umiljati meta hemm xi ħaġa li ma taqax taħthom, li mhumiex dominati minn dawk li huma s-sensi tagħna. U propju l-mixja ta’ fidi trid tibda mill-umiljazzjoni li jien inkun għamilt tas-sensi tiegħi, li hemm xi affarijiet li ma jaqgħux taħt is-sensi tiegħi mela rrid infittxhom mod ieħor. Mhux kollox nista’ nikkontrolla bis-sensi tiegħi. Min ma jippruvax isib il-moħbi li hemm taħt il-materjalità, ma jkunx qiegħed jidħol fil-fidi. Tiftakru meta darba Sidna Ġesù Kristu qalilhom dik il-parabbola ta’ dak li mar jiżra’? Id-differenza x’kienet? Kien hemm xi wħud li baqgħu taħt is-sensi tagħhom: din ma għarfuhiex u allura telqu; kien hemm l-appostli li għamlu l-mistoqsija, li fittxew, li hemmhekk għamlu att ta’ umiltà, li emmnu li hemm xi ħaġa oħra li huma ma jafuhiex. Staqsew lill-Mulej u l-Mulej seta’ jispjegalhom u bdew jidħlu dejjem aktar fil-fidi li ried jagħti Alla l-Imbierek.
Alla l-Imbierek ried jgħinna billi jimmedja s-sensi tagħna. Sar bniedem. Mela għandna din il-problema, is-sensi li jistgħu jkunu ta’ tfixkil u dak li huwa l-effett tal-fidi, ta’ dak li nemmnu. U Alla l-Imbierek kellu din il-problema: kif se ngħinhom dawn, ladarba dawn jgħaddu permezz tas-sensi tagħhom? Allura Alla l-Imbierek – hawn l-imħabba tiegħu – immedja din il-ħaġa. Għamel pont billi lil Ibnu għamlu bniedem bħalna li allura kienu kapaċi jarawh bis-sensi tagħhom imma minn dak li kien ħiereġ minnu, kienu kapaċi jgħaddu mis-sensi għal dik li hija l-fidi tagħhom. Alla l-Imbierek immedja dak li huwa t-toqol tas-sensi tagħna biex jaqbeż għal dak li hu spiritwali. Allura mbagħad tagħmel aktar sens il-kelma ta’ Ġesù: ejja warajja. Naħseb kieku jkollna ċans, u naqraw il-Vanġeli naraw il-mixja li għamlu l-appostli fil-fidi tagħhom. Issa jgħidu li jemmnu, ftit wara Ġesù jgħidilhom bnedmin ta’ fidi dgħajfa; issa Pietru jgħidlu: lanqas jekk ma nafx x’jiġri għax jien xorta nagħmilha, mbagħad ikun hemm Ġesù jgħidlu: xi trid timxi warajja? Kemm għad għandek bżonn tinbidel. Imbagħad jgħidlu: imxi warajja! Mela jrid ikun hemm din il-qabża. Jibda jagħmel sens il-kliem ta’ Ġesù: ejja warajja, ejja u ara. Il-mixja tan-Nisrani hija mixja ta’ fidi. Hija mixja li fiha s-sensi jonqsu mill-importanza tagħhom, f’kollox. Anke biex titqarben, is-sensi jridu jonqsu mill-importanza tagħhom għax inkella tibqa’ dik il-ħaġa tonda li għandek quddiemek. Dawk iridu jonqsu, is-sensi tagħna, biex imbagħad inkunu nistgħu naraw kollox permezz tal-ispirtu li hemm ġewwa fina.
Titlaq minn fejn tkun, bħalma telqu x-xbiek. Kellhom ċertezza għal dik l-esperjenza ta’ fidi li dejjem hija esperjenza ta’ inċertezza mhux fis-sens negattiv, inċertezza għaliex dejjem għandek x’titgħallem iktar. Dik kienet il-mixja tagħhom. Sakemm kellhom ix-xbiek, dawk kienu ċerti li għandhom x’jieklu, qegħdin flimkien, dik iċ-ċertezza! Sakemm baqgħu b’dik iċ-ċertezza, ma setgħux jikbru. Fil-mument li ċ-ċertezza ħallewha warajhom għax ix-xbiek ħallewhom warajhom, f’dak il-mument bdew l-inċertezza tal-fidi, kull darba jitgħallmu mingħand Sidna Ġesù Kristu u jagħmlu l-iżbalji, u jerġgħu jitgħallmu u jibqgħu jagħmlu dik il-mixja ta’ fidi li fiha fl-aħħar Ġesù kien aktar reali minn Ġesù li kien magħhom. Fl-aħħar mill-aħħar hekk waslu: li Ġesù kien aktar reali – meta qam qed ngħid – kien aktar reali minn Ġesù li kien tad-demm u l-laħam li jaqa’ taħt is-sensi tagħhom u jimxi magħhom. Anzi nistgħu ngħidu li wara li Sidna Ġesù Kristu wara l-erbgħin jum mar għand il-Missier, għalihom – għax dawk l-erbgħin jum bdew jarawh fis-sensi tagħhom ukoll – il-ħlewwa tal-Mulej Ġesù – l-ewwel ma taqqalhomx, allura bdew jaraw lil Ġesù wkoll, bdew jarawh u jieklu miegħu u dak kollox. Sakemm fl-aħħar meta tela’ s-sema, lanqas dik, id-dipendenza mis-sensi tagħhom ma setgħu jiddependu fuqha, għax issa Ġesù ma jidhirx, issa Ġesù qiegħed ġewwa. Huma saru Ġesù u Ġesù sar ġewwa fihom. Is-sensi saru mhux importanti għad-dixxipli tal-Mulej Ġesù.
Biex nibda nagħlaq, fil-każ tan-Nisrani, hemm din il-mixja ta’ fidi li aħna rridu ngħaddu minnha, u din il-mixja ta’ fidi b’mod speċjali tgħaddi l-ewwel mill-Vanġelu għaliex il-kelma t’Alla trid tbiddel il-mod kif naħsbu. Dejjem ftakru li l-fidi dik li għandha importanti, ippermettuli – il-fidi mhux li temmen f’Ġesù imma li Ġesù jgħinek u jġagħlek tibda tifhem kollox b’mod differenti. Mhux dik il-fidi li ngħid li nemmen f’Ġesù u nibqa’ nemmen li mhux il-bnedmin kollha xbieha t’Alla! Dik mhix fidi! Il-fidi hi ta’ meta jiena nibda naħseb, ġo fija nnifsi eżatt bħalma jaħseb Sidna Ġesù Kristu. Allura l-ewwel irrid nibda mill-Vanġelu.
It-tieni, ovvjament, hemm il-quddiesa. Jiena jgħaġġibni l-Mulej kemm kien verament jagħti kas tagħna. Niftakru li aħna l-fidi tagħna mhix ibbażata fuq fidi, il-fidi tagħna hi bbażata fuq realtà. L-appostli mhux għax emmnu f’Ġesù, imma għax rawh lil Ġesù. S. Pawl jgħid: jiena wkoll rajtu lil Ġesù, xi ħsibtu? Jiġifieri, il-fidi mhix fairy tale. Fairy tale, tibqa’ miexi qatt ma tasal li tiltaqa’ ma Snowwhite, qatt ma tasal. Imma fil-każ tal-appostli, li allura hemm il-fidi tagħna tibqa miexja lejhom, fl-aħħar tasal biex tiltaqa’ ma’ Kristu. Hija realtà bbażata fuq is-sensi tal-appostli li mbagħad setgħu jgħadduhom bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u tal-fidi lill-oħrajn. Imbagħad għandna l-quddiesa u għandna l-komunità li lilna tgħinna.
Biex nagħlaq. Indunajtu kif morna ċirku sħiħ? Alla li fil-ġnien ried ikellem lil Adam u lil Eva ħalli jgħallimhom, tfixkel kollox minħabba d-dnub, bil-pjan ġdid ta’ Alla l-Imbierek, erġajna ġejna għal qabel: li Alla xorta jista’ jkellimna. U kellimna permezz ta’ Ġesù. Biddel il-pjan imma mhux l-intenzjoni tiegħu. Mela mill-fidi rridu nibdew ghax hemmhekk nibdew nifhmu kollox, mhux nibdew minn wara. Irridu nifhmu li l-fidi hija x-xewqa ta’ Alla l-Imbierek li hu jkun jista’ jitkellem magħna u aħna nkunu nistgħu nitkellmu miegħu. L-affarijiet, dawk kollha huma maħsubin biex naslu għal dik ir-realtà li nkunu nistgħu nitkellmu minnha. Ma nibdewx mill-aħħar. Ma nibdewx mis-salib ta’ Ġesù. Trid tibda: x’ried jgħidilna Alla l-Imbierek permezz tas-salib ta’ Ġesù imbagħad jibda jagħmel sens! Għax dak kollu li għamel Ġesù mhux biex jieqaf f’Ġesù, imma biex iwassal lejn Alla, inkunu nafu eżatt Alla x’ried jgħidilna. Din hija l-fidi. Mela l-fidi hija x-xewqa tiegħi li jiena nista’ nkellem lil Alla l-Imbierek anke jekk ngħaddi permezz tas-sensi tiegħi, imma fl-aħħar mill-aħħar, dak li mhux fis-sensi tiegħi, li huwa l-ispirtu, jieħu over u jien inkun nista’ nkellem lill-Mulej, fl-ispirtu dak kollu li ried jgħallimna hu.