-
The Cathedral, Victoria, Gozo
7th August, 2014Ħuti, il-Konċilju Vatikan it-tieni kien enfasizza ħafna li l-Madonna hija interċesura tagħna quddiem il-Missier. Imma ma nitsgħux nieqfu hemm. Il-Madonna għalina hija mudell ta’ dawk li jridu jimxu wara Kristu, mudell ta’ dixxiplu. Għalhekk irridu nkunu aktar attenti biex insiru nafu min hi l-Madonna. Minn dawn iż-żewġ lezzjonijiet tal-ġurnata, m’għażilnihomx aħna, slitt xi riflessjonijiet li xtaqt naqsam magħkom fid-dawl ta’ kif għexet il-Madonna.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Ġer 31, 31-34) aħna rajna li Alla l-Imbierek kellu jagħmel patt ġdid. Tafu li l-patt il-qadim kien inkiser għaliex il-bniedem, minflok aċċetta li jibqa’ jitmexxa minn għand Alla l-Imbierek, ħa deċiżjoni li jibda jmexxu hu l-ħajja tiegħu, u Alla l-Imbierek ma jistax jidħol fejn aħna ma rriduhx. Sidtna Marija hija l-persuna tal-patt il-ġdid. X’kien il-patt il-ġdid? Kien faċli, kien sempliċi imma kien kollox. Dak il-le li, skont il-Ġenesi, qalu Adam u Eva, f’Sidtna Marija sar iva. Sidtna Marija qalet lill-Mulej: ħa jkun minni skont kelmtek għax jiena l-qaddejja tiegħek (Lq 1, 38). U f’dak il-mument Alla l-Imbierek reġa’ għamel patt ġdid fid-dawl tal-iva ta’ Marija.
Kull wieħed u waħda minna irid jgħid iva lill-Mulej biex tidħol il-grazzja fih, kif daħlet fl-umanità kollha permezz ta’ Sidtna Marija li pattiet għall-le tal-ewwel żmien bl-iva li qalet hi f’isimna lkoll. Għalhekk hija ommna għax f’isimna lkoll hija qalet dak il-kliem: jiena l-qaddejja tal-Mulej ħa jsir minni skont kelmtek. Mhux talli hekk, talli dak il-patt il-ġdid li aħna rajna fl-ewwel lezzjoni, f’Sidtna Marija kien ifisser iktar. Kien patt il-ġdid għaliex twieled Sidna Ġesu Kristu,il-Feddej tagħna. bniedem bħalna. Imma kien patt ġdid ukoll, għaliex minn mindu l-Madonna qalet iva lil Alla l-Imbierek f’daqqa waħda infetħu qieshom il-bibien ta’ l-Ispirtu s-Santu u bdew jidhru kullimkien.
Naraw lil Sidtna Marija tmur għand Eliżabetta u hemm miktub li Eliżabetta kienet imnebha mill-Ispirtu s-Santu meta qalet dak il-kliem lil Marija: ‘minn fejn ġieni dan li omm sidi tiġi għandi’. Sidtna Marija marret fit t-tempju biex tippreżenta lil Binha u hemmhekk ikun hemm Xmuni li l-Mulej bagħat l-Ispirtu s-Santu fuqu, nebħu xi jgħid. Jiġifieri, il-Madonna mhux biss lil Ġesu ġabet fostna, imma permezz tal-Madonna l-Ispirtu s-Santu wera ruħu fostna. Dan hu wkoll frott tal-iva tal-Madonna. Fl-aħħar vers li smajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum kien jgħid: kif se nagħmel dan il-patt?
Dawn huma nies midinba, u jiena l-perfezzjoni tal-qdusija, qed jgħid Alla l-Imbierek. Biex aħna jkollna relazzjoni ġdida jien irrid naħfer id-dnubiet tagħhom kollha u l-ħażen kollu tagħhom (v 34). Smajtuh l-aħħar vers: ma setax jibni relazzjoni jekk ma jinsiex il-ħażen li għamilna aħna bħala bnedmin, ma setax! Għax Alla l-Imbierek jista’ jitkellem ma’ dawk li jħalluh u jkunu lesti li jitkellmu miegħu. Aħna rajna fl-ewwel lezzjoni li f’daqqa waħda ma kienx henmm bzonn li jistenna ħalli jaħfer id-dnubiet kollha, imma għamel ħaġa ħafna ikbar: il-Kunċizzjoni Immakulata ta’ Sidtna Marija. Mhux talli Sidtna Marija ma għamlitx dnub talli l-Mulej daħal fl-istorja meta hija kienet qiegħda titnissel u f’dak il-mument, hija tnisslet bla tebgħa, grazzja speċjali li taha Alla l-Imbierek. Dak li aħna smajna fl-ewwel lezzjoni seħħ b’mod speċjali f’Sidtna Marija.
Fil-Vanġelu tal-lum (Mt 16, 13-23) aħna nsibu xi riflessjonijiet li huma importanti ħafna. L-ewwel riflessjoni: meta Sidna Ġesu Kristu qed ikellem lil Pietru u jgħidlu dan il-kliem: “mhux inti għidtu, dan il-kliem kien il-Missier li nebħek biex inti tkun tista tgħidu”. Jiġifieri meta San Pietru qal dak il-kliem li Kristu hu l-Messija, ma kienx kliem tiegħu, imma kien l-kliem tal-Ispirtu s-Santu li għadda permezz tiegħu. U nagħmlu riflessjoni fuq il-Madonna. Għalkemm mhux miktub fl-Iskrittura, imma jiena dejjem għandi f’moħħi li f’dawk it-tletin sena dak kollu li Sidna Ġesu Kristu mar jipprietka, qalu lil Sidtna Marija. Dak li pprietka, l-ewwel qalu lilha. Jiġifieri l-kelma t’Alla l-ewwel għaddiet minn widnejn Sidtna Marija, imbagħad ġiet għand l-appostli u d-dixxipli. Mela, Sidtna Marija dak li rċeviet, irċevietu minn għand binha Sidna Ġesu Kristu nnifsu. Min jaf, wara mbagħad, kemm kienet tgħidilhom l-appostli meta kienet tkun magħhom, x’kienet semgħet minn għand Ġesu, x’kien għallimha l-Mulej Ġesu, x’taha l-Mulej Ġesu biex hi tkun tista’ tersaq qrib lejħ.
U aħna wkoll irridu nitolbu biex dak li aħna ngħidu ma jkunx tagħna biss, imma jrid ikun ukoll ta’ Alla l-Imbierek li jitkellem permezz tagħna. Riflessjoni oħra li nislet mill-Vanġelu, hi li Sidna Ġesu Kristu tant ħa gost li Pietru wasal biex qallu: inti l-Messija, bin Alla (Mt 16, 16). U kif naħsibha jiena, Kristu qal: ara kemm imxew dawn Alla jbierek, kemm saru jafu, ħa nagħtihom biċċa oħra minn dak li se jaraw u fettillu jitkellem fuq il-mewt tiegħu (ara Mt 16,21). F’daqqa waħda jaqbeż Pietru u jlumu għax Pietru ried jimxi wara Kristu fil-kobor tiegħu, imma wara Kristu msallab ma xtaqx jimxi, għalhekk ma ħax gost biha. U Sidna Ġesu Kristu dak il-ħin iċanfru! X’differenza l-Madonna, meta semgħet lil Xmun fit-tempju jgħidilha li sejf għad jinfidlek qalbek, hemm miktub li l-Madonna żammet kollox f’qalbha (Lq 2, 35, 51).
Il-Papa Ġwanni Pawlu II f’waħda mill-kitbiet tiegħu jgħid li dak il-ħin il-Madonna għamlet qiesha wegħda. Mhux għax xtaqitu jbati imma kienet taf mill-kliem ta’ Xmun li hu kellu jbati, allura għamlet wegħda lil Alla l-Imbierek: Mulej, agħtini ċ-ċans biex meta ibni ikun qiegħed ibati, inkun qiegħda ħdejh. U jiena naħseb li dik li l-Madonna kienet ħdejn Ġesu fit-tbatija tiegħu kienet grazzja speċjali. Hija interpretazzjoni tiegħi, jiġifieri jista’ jkun mhux hekk. Imma f’Ħamis ix-Xirka l-Madonna ma tidhirx, ma tissemhiex, l-għada mbagħad meta Sidna Ġesu Kristu qiegħed jiġi msallab tissemma’. Sidtna Marija tkun taħt is-salib ta’ Binha Ġesu. Jista’ jkun li kien don t’Alla għax-xewqa li hi kienet għamlet fil-bidu? Ma nafx, imma ma neħodhiex bi kbira li kien don tal-Mulej li jħalli lil Marija tkun ħdejn ibnu Ġesù biex tkun tista’ tfarrġu.
Smajna lil Sidna Ġesu Kristu jgħid lil Pietru: ‘lilek se nagħtik l-imfietah tas-saltna tas-smewwiet u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet’ (Mt16, 19).. Ir-riflessjoni tiegħi: jekk Pietru huwa dak li għandu l-imfietaħ biex aħna nidħlu fis-saltna, Sidtna Marija ma kellhiex bżonn l-imfietaħ ta’ San Pietru; Sidtna Marija kellha lil binha li wassalha għas-saltna ta’ dejjem. U allura aħna rridu ngħidu ukoll kemm kienet don kbir Sidtna Marija li ġiet imtellgħa fis-sema, l-ewwel waħda propju bir-ruħ u bil-ġisem, bl-ispirtu u bil-ġisem. Jiġifieri aħna rridu nagħtuha l-qima kbira għaliex Alla l-Imbierek tant ipprivileġġjaha b’affarijiet. Aħfruli li se ngħid hekk, imma kemm inkunu qegħdin nitilfu jekk aħna lill-Madonna nħalluha biss għall-waqt it-talb, li huwa xi ħaġa qaddisa, tajba ħafna, imma ma jkollniex kurżita biex inkunu nafu iktar fuq il-Madonna, ma naqrawx fuq il-Madonna, ma narawx fil-Vanġelu x’qal Ġesù fuq il-Madonna.
Jalla din il-festa li intom tagħmlu b’tant devozzjoni tqanqal fil-parruċċani din ix-xewqa kbira li nsiru nafu aktar lill-Madonna.
✠ Paul Cremona O.P.
Archbishop of Malta