Ħuti: Nixtieq li nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom: IL-MILIED IT-TAJJEB.

Hemm ħafna modi kif aħna l-insara nistgħu nħarsu lejn il-Milied, iżda hu importanti li dak li naraw, inħossuh li qegħdin ngħixuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Naraw il-ferħ ta’ l-anġli meta twieled Ġesu’ Bambin, u għalhekk niċċelebrawh b’ħafna ferħ. Dan huwa l-ikbar aspett li hemm ċans li jiġi mmanipulat għall-qligħ. Għalhekk in-nisrani jagħmel l-isforz biex il-ferħ tiegħu jagħmlu madwar it-Twelid ta’ Gesu’.

Naraw l-aspett tal-familja ta’ Ġesu’, ġewwa Betlehem u għalhekk il-Ferħ tal-Milied nagħmluh b’mod speċjali madwar il-familja tiegħu, u l-iktar, ċċentrat fuq it-tfal fil-familji.  Naraw il-mod kif twieled Ġesu’, jiġifieri fil-faqar, u allura rridu nħarsu madwarna u naraw kif se nfitttxu u fejn nistgħu ngħinu lill-fqar.

Iżda meta niftakar fikom, għeżież missjunarji, jiena niftakar b’mod speċjali fuq aspett ieħor li jġibilna l-Milied: Dak li twieled, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, twieled bħala missjunarju. Hu ġie biex jagħtina l-Kelma ta’ Alla. Anzi ġie mibgħut bħala missjunarju mingħand Alla l-Missier.  Gesu’, biex nitkellmu b’espressjoni umana, ‘telaq’ lil Missieru u ġie fostna. Intom għamiltu l-istess meta tlaqtu art twelidkom u mortu f’pajjiżi oħra.

Ġesu’ għamel dan b’imħabba kbira lejn il-bnedmin, biex jaqsam magħna dak li kien diġa għex ma’ Alla l-Missier. Intom mortu għaliex ħabbejtu lin-nies ta’ dawn il-pajjiżi u ridtu taqsmu magħhom din l-imħabba ta’ Alla l-Missier lejhom.

U l-preżenza ta’ tant missjunarji Maltin li f’isimna marru f’artijiet barranin biex iwasslulhom il-messaġġ tal-imħabba ta’ Alla hija għalina tifkira ta’ dan l-aspett tal-Milied. In-nisrani ma jistax jiċċelebra t-twelid ta’ Gesu’, ma jistax jaqra fuq il-ħidma missjunarja li qegħdin tagħmlu, u ma jħossx li għandu jagħmel xi ħaġa hu wkoll biex ikompli din il-missjoni ta’ Ġesu’.

Nirringrazzjakom ta’ din ix-xhieda, u ta’ dak kollu li għamiltu u qegħdin tagħmlu f’isem il-Knisja Maltija f’dawn l-artijiet.

Nawguralkom il-Milied it-Tajjeb u sena 2010 mimlija grazzi tal-Mulej fuqkom u fuq dawk li qegħdin taqdu.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta