B’ferħ kbir nilqa` din l-okkażjoni biex inwassal ix-xewqat tiegħi għal Milied hieni u s-sena t-tajba mimlija ġid u barka lill-emigranti kollha. Għalkemm ’l bogħod, żammejtu r-rabta tagħkom ma` art twelidkom u tagħmlu l-almu kollu tagħkom biex din l-imħabba tgħadduha lill uliedkom u lill ulied uliedkom.
Il-Milied huwa l-aħar żmien biex wieħed iġedded u jiċċelebra din l-imħabba għaliex ifakkarna fil-fedelta ta` Alla lejn il-poplu tiegħu, u permezz ta` dan il-poplu, lejn l-umanita kollha. Għalkemm baqa` ħaġa waħda mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, l-Iben ta` Alla sar bniedem u għammar fostna. Dan l-att kbir ta` ġenerożita` u ta` mħabba tal-Missier li bagħat lil Ibnu fostna, li ċċaħħad minn Ibnu mħabba fina u għalina huwa l-misteru li niċċelebraw sa mill-ewwel Milied. Għalhekk għandna raġun għaliex nifirħu. Nifirħu għaliex l-Iben t’Alla, biex iwettaq ir-rieda tal-Missier ġie fostna biex iwasslilna din l-imħabba tal-Missier u jgħallimna kif għandna nħobbuħ bħala wlied denji tiegħu.
Il-Milied huwa għajn ta` ferħ bla tmiem fost dawk il-popli li b’xi mod jew ieħor għadhom iħossuhom parti u kburin bil-wirt Nisrani tagħhom. Dan il-ferħ tal-Milied inissel sens ta` għaqda u xewqa dejjiema li nkunu ħaġa waħda mal-familji u l-ħbieb tagħna. Nitlob u nittama li din l-istennija twassalna biex infejqu xi ftit mill-firdiet li minn żmien għal żmien jistgħu jidhru anke fost il-familji tagħna.
Xi wħud iħarsu ’l hemm miċ-ċirku tal-familja u tal-ħbieb u jagħmlu ħilithom biex din l-istennija ta` mħabba u ferħ jaqsmuha ma` dawk li jħossuhom weħidhom u mingħajr imħabba. Mhuwiex dan forsi il-mod li l-Imgħallem tagħna jixtieq li aħna, dixxipli u aħwa tiegħu niċċelebraw t-twelid tiegħu fostna!
Meta Ġesu` waqqaf il-Knisja tiegħu u kkonsagraha bl-Ispirtu tiegħu, huwa xtaq li mhux biss nagħmlu dan b’tifkira tat-twelid tiegħu, imma li fuq kollox inkomplu l-missjoni tiegħu fdata lilu mill-Missier. Nitlob li l-Imgħallem tagħna jnissel fina dan is-sens ta` ferħ f’dan iż-żmien tal-Milied: ferħ, imħabba u paċi fl-art, lill-bnedmin ta` rieda tajba li jinxtered mal-art kollha.
Jalla l-barka tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu tinżel fuqkom u fuq il-familji tagħkom f’dan il-Milied u tibqa` tgħammar u tiġġeded fostkom tul is-sena l-ġdida kollha.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
AGĦFAS HAWN BIEX TISMA’ L-MESSAĠĠ TAL-ARĊISQOF LILL-EMIGRANTI