Katidral tal-Imdina

8 ta’ Marzu 2012

Il-Missjoni tas-Saċerdot


Fil-bidu tal-ftit riflessjonijiet li jiena nixtieq nagħmel f’din il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fl-okkażjoni tas-Sittin Anniversarju tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħi, irrid nistqarr ir-rikonoxximent tiegħi lir-Reverendissimu Kapitlu Metropolitan, li għogbu jorganizza din iċ-ċelebrazzjoni.

Apprezzajt ħafna meta, xi ġimgħat ilu, ġie għandi, l-Imdina, Mons. Karm Zammit biex jurini x-xewqa tal-Kapitlu Metropolitan li jagħmilli l-festa ta’ dan l-anniversarju.  B’risposta jiena għidtlu li dan hu ġest sabiħ li jiena qatt ma stennejtu.  Għalhekk tlabtu li jwassal lill-Kapitlu Metropolitan r-ringrazzjament tiegħi, li jiena llum qed nerġa’ nistqarr.

Niżżiħajr ukoll lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Arċisqof Pawl Cremona O.P. għall-introduzzjoni sabiħa tiegħu fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, b’mod partikolari għall-ġenerożità tiegħu fl-apprezzament dwar is-servizz saċerdotali tiegħi u ħidmieti fi ħdan il-Knisja.

Rigal ta’ Alla


Għeluq is-sittin sena tas-saċardozju tiegħi jġibli ħafna memorji sbieħ.

Jiġini f’moħħi l-ferħ tal-ġenituri għeżież tiegħi meta għidtilhom li kont qed inħoss is-sejħa tas-saċerdozju u dakinhar li, fit-8 ta’ Marzu 1952, jiena rċevejt l-ordinazzjoni saċerdotali bit-tqegħid tal-idejn tal-mibki Mons. Isqof Ġużeppi Pace, fil-Knisja ta’ San Ġakbu, ir-Rabat ta’ Għawdex.

Kien il-bidu ta’ triq twila, bit-tlugħ u l-inżul tagħha, li fiha l-Mulej ried ukoll li jiena nirċievi l-milja tas-saċerdozju bl-ordinazzjoni episkopali.  Kienet triq li fiha jiena fittixt li ma ninsa qatt li l-vokazzjoni hija don kbir ħafna u ta’ resonsabbilta’ partikolari, għaliex inissilha Alla u hija rigal tal-Imħabba ta’ Alla.

Dak li l-Papa Benedittu XVI jgħid fil-Messaġġ tiegħu għal Jum il-Vokazzjonijiet ta’ din is-sena, li l-Knisja se tiċċelebra fl-aħħar Ħadd ta’ April, hu tassew sabiħ u f’waqtu.

“Huwa fil-ħamrija tal-offerta tagħna nfusna u tal-ftuħ għall-imħabba ta’ Alla, u bħala frott ta’ dik l-imħabba, li titwieled u tikber kull vokazzjoni,” jgħid il-Papa.  Jgħid ukoll li, “meta nixorbu minn din in-nixxiegħa permezz tat-talb, billi nirrikorru bla heda għall-kelma ta’ Alla u s-Sagramenti, speċjament l-Ewkaristija, isir possibbli li aħna ngħixu ħajja ta’ mħabba għall-proxxmu tagħna, li fih aħna nibdew naraw wiċċ Kristu l-Mulej.”

Radd il-Ħajr


B’dan quddiem għajnejja, l-ogħla kelma li rrid inlissen f’din l-okkazjoni hija din: ‘Grazzi Mulej Ġesù.  Grazzi tar-rigal kbir li tajtni bil-vokazzjoni saċerdotali minkejja ċ-ċokon u d-dgħufija tiegħi.  Grazzi tal-għajnuna kollha li inti tajtni matul is-sittin sena li għaddew u tal-grazzji kollha tiegħek fil-frott tal-ħajja saċerdotali tiegħi.  Nitolbok tibqa’ tgħinni ħalli nkun saċerdot skont ir-rieda tiegħek.’

Niżżiħajr ukoll lil dawk kollha li l-Provvidenza ta’ Alla qegħdithom fit-triq tas-saċerdozju tiegħi: quddiemnett lill-ġenituri tiegħi, li bil-kelma u l-eżempju tagħhom kienu rigal ta’ Alla għalija u fihom sibt sostenn imprezzabbli.  Inrodd ħajr ukoll lil dawk kollha li ħdimt magħhom u huma miegħi fid-diversi stadji ta’ servizz li l-Knisja fdat f’idejja matul is-sittin sena li għaddew.

X’jitlob is-saċerdozju


L-istedina tiegħi lis-saċerdoti u lil kulħadd f’din l-okkażjoni hija biex infittxu li nifhmu dejjem aħjar x’jitolbu l-Mulej u l-Knisja mis-saċerdot.

Naħseb li għajn ta’ għerf spiritwali partikolari dwar dan huwa dak li stqarr il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja (Lumen Gentium).  Niffoka fuq ħames punti:

–       Bis-saħħa tas-sagrament tal-ordni, fi xbieha ta’ Kristu, il-qassis il-kbir u etern, il-presbiteri huma ikkonsagrati biex jippridkaw l-Evanġelju, jirgħu l-fidili u jiċċelebraw il-kult divin bħala saċerdoti veri tat-Testment il-Ġdid.

–       Waqt li jieħdu sehem, skont il-grad proprju tal-ministeru tagħhom, mill-uffiċċju tal-Medjatur waħdani Ġesù Kristu, huma jħabbru l-kelma tagħhom lil kulħadd.  Iżda fuq kollox huma jeżerċitaw il-ministeru qaddis tagħhom fil-kult jew fl-assemblea ewkaristika.  Hawn huma jaġixxu fil-persuna ta’ Kristu, u waqt li jipproklamaw il-ministeru tiegħu, igħaqqdu l-offerta tal-fidili mas-sagrifiċċju tar-Ras tagħhom.

–       Huma jeżerċitaw, fi grad l-iżjed għoli, il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni u tal-faraġ tal-fidili niedma jew morda u jwasslu lil Alla l-Missier il-ħtiġiet u t-talb tal-fidili.

–       Huma jeżerċitaw, skont is-sehem tagħhom mill-awtorità, l-uffiċċju ta’ Kristu, ragħaj u ras, ilaqqgħu l-familja ta’ Alla bħala għaqda ta’ aħwa mħeġġin minn spirtu wieħed, u permezz ta’ Kristu jwassluha fl-ispirtu għand Alla l-Missier.  F’nofs il-merħla tagħhom huma jadurawh fl-ispirtu u l-verità.

–       Huma jaħdmu bix-xandir tal-kelma u bit-tagħlim, waqt li jemmnu dak li jaqraw u jimmeditaw fil-liġi tal-Mulej, igħallmu dak li jemmnu u jgħixu dak li jgħallmu.

L-iskop tal-Knisja


Nemmen li kollna kemm aħna, quddiemnett is-saċerdoti, irridu nifhmu sew li l-Knisja teżisti biex tqegħdna f’relazzjoni ma’ Kristu.  L-iskop sħiħ tagħha huwa li turina lil Kristu, tmexxina lejh, u tikkomunikalna l-grazzja tiegħu.  Il-missjoni unika tal-Knisja hija dik li tagħmel lil Kristu preżenti għall-bnedmin.  Hija trid tħabbru, turih u tagħtih lil kulħadd.

Jekk l-għana tal-Knisja ma jkunx Kristu, ċertament il-Knisja tkun fqira.  Jekk l-Ispirtu ta’ Kristu ma jwarradx fil-Knisja, hija ċertament tkun sterili.  Jekk l-Arkitett tal-Knisja ma jkunx Kristu, u l-ispirtu tiegħu ma jkunx is-siment li jgħaqqad flimkien il-ġebel ħaj li bih hija mibnija, allura l-bini tagħha jkun verament qed jiġġarraf.  Jekk il-Knisja ma tkunx tirrifletti s-sbuħija unika ta’ wiċċ Kristu, il-Knisja ma jkollhiex sbuħija.

San Ġorġ Preca


Fiż-żjara li l-Papa Benedittu XVI għamlilna f’pajjiżna f’April 2010, lilna s-saċerdoti ħeġġiġna biex bħala mudell li jispirana fil-missjoni tagħna fost il-poplu ta’ Alla nżommu lil San Ġorġ Preca, li kien saċerdot ta’ umiltà, tjubija, ġentilezza u ġenerożità mhux tas-soltu, profondament dedikat għat-talb u mħeġġeg ħafna biex jikkomunika l-veritajiet tal-Vanġelu.

Jalla, f’kull anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħna, aħna s-saċerdoti nfittxu li niġġeddu fl-impenn tagħna li nkunu nixbħu lil Dun Ġorg, biex hekk nifhmu dejjem aktar li l-missjoni afdata lilna hija tassew servizz lill-ferħ ta’ Alla li hu ħerqan li jidħol fid-dinja.

+ Ġuzeppi Mercieca

Arċisqof Emeritus