-
American Hustle
-
****
Direttur: David O. Russell
Atturi: Christian Bale, Bradley Cooper, Amy Adams, Jeremy Renner
Ħin: 129 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Fl-1978 Irving Rosenfeld u Sydney Prosser huma żewġ maħbubin li t-tnejn għandhom l-istess għan: iridu li jkollhom ħajja aħjar u aktar eleganti. Għalhekk jibdew jisolħu lil klijenti tagħhom li jkunu jridu jagħmlu l-flus malajr. Wara ftit żmien jinqabdu mill-aġent tal-FBI Richie DiMaso li minflok jitfagħhom fil-ħabs iġgħalhom jgħinuh biex javvanza fil-karriera tiegħu billi jaqbad ħut akbar, u bħala lixka juża lil xejk Arbi falz li taparsi hu ħerqan li jinvesti fil-casinos f’Atlantic City. L-ewwel mira ta’ Richie huwa Carmine Polito, is-sindku ta’ Camden, New Jersey, li jkun qed jirsisti biex jġib lura l-impjiegi u l-flus lejn Atlantic City. Mbagħad jitfa’ għajnejh fuq membri tal-Kungress Amerikan u anke l-Mafja. Sadanittant, Richie jkollu grazzja ma Sydney, filwaqt li Irving ikollu intopp għall-ambizzjonijiet tiegħu minħabba l-mara tiegħu, Rosalyn.
Film thriller u kummiedja dwar intriċċi u nasses u korruzzjoni, b’mod li tasal f’punt fejn tistaqsi: min qed jipprova jilgħab lil min? Il-film juża kanzunetti ta’ dak iż-żmien, bħal David Bowie u Paul McCartney, biex joħloq l-atmosfera. Huwa film interessanti, li jiffoka fuq il-karattri prinċipali, u fih ukoll umoriżmu. Il-film fih xi xeni ta’ vjolenza, kontenut sesswali, teħid ta’ droga, u ħafna kliem ħażin u doppju sens. Jgħodd għal udjenza adulta.