-
-
***
Direttur: Ken Kwapis
Atturi: Robert Redford, Nick Nolte, Emma Thompson
Ħin: 104 minuti
Klassifika tal-Gvern: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Bill Bryson, kittieb mgħaruf ta’ kotba dwar l-ivvjaġġar, bħala rimedju għan-nixfa ta’ ħsibijiet li għandu jiddeċiedi li jagħmel l-‘Appalachian Trail’, mixja ta’ kważi elfejn u mitejn mil minn Georgia sa Maine. Bill issa hu anzjan, u martu Catherine ma tħalliħx jagħmel dik il-mixja waħdu iżda tinsisti li jieħu lil xi ħadd miegħu. Għalhekk jibgħat jistaqsi lil ħbieb antiki tiegħu biex jara jekk hemmx xi ħadd minnhom li lest li jagħmel dik il-mixja miegħu. L-uniku wieħed li juri interess li jmur miegħu huwa Stephen Katz, li Bill kien ilu snin ma jarah u li l-aħħar darba li ltaqgħu kien spiċċa ħażin miegħu. Imma issa ma’ kellux għażla oħra ħlief li jaċċetta lilu biex jakkompanjah. Stephen, li hu anzjan ukoll, jammetti li ma’ tantx hu f’sura li jagħmel vjaġġ bħal dak. Madankollu, it-tnejn li huma jirkbu ajruplan lejn Georgia biex jibdew il-vjaġġ. Matul il-vjaġġ, biex jgħaddu ż-żmien joqgħodu jirrakkontaw minn x’hiex għaddew matul is-snin li ilhom ma’ jaraw lil xulxin u jiftakru fil-praspar li kienu jagħmlu meta kienu iżgħar.
Film kummiedja, adattat mill-ktieb ta’ Bill Bryson ‘A Walk in the Woods” (1998). Fih xenarju sabiħ fil-madwar il-muntanji ta’ l-Appalachia fl-Istati Uniti. Kemm Redford u kemm Nolte jaħdmu parti tajba ħafna, imma ma jikklikjawx biżżejjed. Kultant il-film hu ċajtier tassew u interessanti, imma mhux dejjem. Fih ħafna kliem, fil-biċċa l-kbira dwar is-sess, attitudni ambigwa dwar l-adulterju, u ħafna kliem ħażin u baxx. Jgħodd għal udjenza adulta.