-
-
*****
Direttur: Bradley Cooper
Atturi: Bradley Cooper, Lady Gaga, Andrew Dice Clay, Sam Elliot, Dave Chappelle, Anthony Ramos, Bonnie Somerville, Michael Harney u Rafi Gavron
Ħin tal-Film: 135min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Jackson “Jack” Maine, kantant popolari ta’ mużika western, kien jiġbed eluf ta’ nies għall-kunċerti tiegħu. Iżda sfortunatament, kellu l-vizzji tax-xorb u tad-droga, l-istil ta’ ħajja ta’ ħafna ċelebri.
Lejla waħda, wara wirja, daħal f’nightclub biex jixrob. Hemm waqt wirja ta’ kant, jisma’ leħen Ally, żagħżugħa, li ssorprendit lilu u dawk li kienu fin-nightclub. Jackson offrielha li tixrob miegħu. Hi kienet taf sew min kien Jackson u stqarret miegħu li għalkemm kellha vuċi tajba, ħadd ma wera interess fiha peress li l-bixra tagħha ma kinitx tant attraenti l-aktar imneħirha li kien xi ftit kbir. F’din l-ewwel laqgħa, Jackson wera interess kbir fil-potenzjal li hi kellha bħala kantanta, kif ukoll bħala kittieba ta’ kanzunetti. Filwaqt li għamlilha kuraġġ, wegħda li jżomm kuntatt magħha. Ally iżda qatt m’emmnet li hu kien sejjer iżomm kelmtu u ssorprendit ruħha ħafna meta rċeviet stedina minn għandu biex tkun preżenti għall-kunċert li kien sejjer jagħti. Il-ħabib tagħha Ramon inkoraġġiha ħafna biex taċċetta u tmur. Għall-bidu hi ma tantx kienet ħerqana iżda Ramon baqa’ jinsisti u hi ċediet u aċċettat li tmur.
Meta waslet, kienet tassew sorpriża meta Jackson kien irranġalha biex tkanta kanzunetta waqt il-kunċert. Kien xokk kbir għaliha iżda hi ma kellhiex alternattiva ħlief li ċċedi għall-pressjoni li Jackson għamlilha u mħeġġa minn Ramon. Jackson talabha biex tkanta waħda mill-kanzunetti tagħha stess miegħu. Hi għalkemm mbeżża’, iżda meta spiċċat tkanta flimkien ma’ Jackson, l-applaws li qalgħet kien tassew li jtarrax.
F’qasir żmien u qabel ma rrealizzat, Ally sabet ruħha fuq il-quċċata tas-suċċess bħala kantanta barra ukoll li r-relazzjoni tagħha ma’ Jackson fjorixxiet f’relazzjoni ta’ mħabba intima. Kollox kien jidher li sejjer tant tajjeb fir-relazzjoni ta’ bejniethom, iżda sfortunatament Jackson beda jħoss li l-istil ta’ ħajja li kien jgħix xejn ma kien sejjer ikun ta’ ġid fir-rabta ta’ mħabba li kellu ma’ Ally. Jackson fittex l-għajnuna biex jegħleb il-vizzji tad-droga u x-xorb. Tgħid jirnexxielu?
Film Amerikan, dramm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Bradley Cooper u kitba tiegħu stess flimkien ma’ Will Fetters u Eric Roth. Minħabba l-implikazzjoni tal-idea ta’ suwiċidju, sess qabel iż-żwieġ, użu ta’ droga kif ukoll kliem profann u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.