-
Archbishop’s message on the occassion of Nurses’ Day
-
Konkatidral ta’ San Ġwann
17 ta’ Mejju 2014Ħuti l-ewwel nirringrazzjakom talli stedintuni biex nagħmel din il-quddiesa, li għalija hija okkażjoni biex nirringrazzjakom u nuri l-apprezzament tiegħi u tal-poplu Malti għal dak li intom tagħmlu. U f’dan il-jum internazzjonali tan-nursing aħna rridu bilfors niftakru fi Florence Nightingale li kienet hi li waqqfet dan il-jum internazzjonali. Kif tafu li fis-sena 1854 Florence Nightingale ġiet ukoll Malta. Fil-kuntest Malti tajjeb li llum niftakru wkoll f’soru tal-Karitá, Sr Aldegonda Farrugia li kienet hi li bdiet fl-iskola tan-nursing. Lil dawn nirringrazzjaw lill-Mulej b’mod speċjali talli nebbagħhom biex illum in-nursing huwa dak li hu.
Gejt infurmat li din is-sena hemm diversi attivitajiet li ġew mtella’ mill-Club, mill-Kummissjoni tal- Kultura. Nirringrazzjawhom ukoll għal dawn l-attivitajiet li kollha, b’xi mod jew ieħor, huma marbutin ma’ din il-ġurnata. U qaluli wkoll biex f’isimkom nirringrazzja lill-Eċċ. Tagħha s-Sinjura President Marie Louise Coleiro Preca għaliex hi ħadet il-patroċinju tal-grupp tan-nursing u lesta li anke tipprovdi l-palazz tagħha biex isiru l-attivitajiet tan-nurses.
Fil-kuntest ta’ dan kollu, ħuti, jiena xtaqt li naqsam magħkom dak li qalilna Ġesu: “Jien hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja” (Ġw 12, 6). U jien xtaqt nuri kif in-nursing huwa ħafna qrib ta’ dak li qal Ġesu u allura rrid naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi fuq dak li hu n-nursing fid-dinjitá kollha tiegħu.
L-ewwel riflessjoni. Bin-nursing tieħdu ħsieb tal-bnedmin, u nafu li Alla l-Imbierek bagħat lil Ibnu għaliex iħobb lill-bnedmin. Tgħidulix nispjegalkom għaliex iħobbna daqshekk, imma jħobbna daqshekk għax hekk qalilna. Fil-Vanġelu rajnih jirrispondi lil Tumas b’dawk it-tlett kelmiet: “Jiena t-Triq il-Verita u l-Ħajja”. “Jiena t-triq” għaliex Alla l-Imbierek permezz ta’ Ibnu wera – ifhmu din il-kelma – preferenza, għal dawk li qegħdin ibatu. Tafu meta Ġesu darba tkellem guq il-ġudizju qal li dawk li kienu madwaru bdew jistagħġbu u bdew jistaqsuh: “imma fejn qatt rajnik, Mulej?” U Ġesu qalilhom: “dak li għamiltu ma’ dawn l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi”. Meta lilkom l-Mulej sejħilkom għal din il-missjoni, daħħalkom fid-dinjità ta’ din il-kelma ta’ Sidna Ġesu Kristu. Intom tridu taraw lil Ġesu f’dawk kollha li qegħdin ibatu. U din hija t-triq. Li rrid ngħid jiena: tifirdux il-ħajja tagħkom nisranija mill-missjoni li għandkom għax huma tant qrib ta’ xulxin; għixu ż-żewġ affarijiet flimkien għax jgħinukom biex tikbru wkoll fil-ħbiberija ma’ Ġesu, minbarra li tiżviluppaw fin-nursing.
It-tieni riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom illum hija li Sidna Ġesu Kristu, meta kien fostna, għamel li jkun jista’ jidħol fil-ġlieda ta’ bejn Alla l-Imbierek li hu t-tjubija, u dak li daħħal ix-xitan permezz tad-dnub tagħna fl-umanità li hija t-tbatija u l-mewt. U Sidna Ġesu Kristu daħal f’din it-tbatija kollha għaliex ma kienx hemm bżonn li hu jsir bniedem bħalna imma daħal biex ibati bħalna. Ma kienx hemm bżonn li Sidna Ġesu Kristu jmut, kien l-Iben t’Alla magħmul bniedem, imma miet biex ikun jaf hu wkoll bħala bniedem x’jiġifieri tkun fuq is-sodda tal-mewt. B’din il-ħidma tagħkom intom qed tagħmlu l-istess li għamel Sidna Ġesu Kristu jiġifieri intom dħaltu f’dil-ġlieda kontra t-tbatija biex ittaffu t-tbatija ta’ dawk li jiġu għandkom u intom ttaffu l-beżgħat tal-mewt u tbatija ta’ dawk li jkunu f’idejkom. L-istess li għamel Sidna Ġesu Kristu biex jiġġieled it-tbatija, intom dħaltu f’din il-ġlieda ta’ Sidna Ġesu Kristu kontra din it-tbatija.
It-tielet riflesjoni hija li Sidna Ġesu Kristu qatt ma ftaħar bl-affarijiet kbar li għamel, qatt ma ftaħar. Tafu biex ftaħar Sidna Ġesu Kristu? Meta darba qal lil dawk li kien hemm quddiemu: “Jiena ġejt mhux biex inkun moqdi, imma biex naqdi u biex naqdi lill-bnedmin”. Tafu li fl-aħħar ċena ma ddejjaqx jinżel għarkubbtejh bħala qaddej quddiem l-appostli tiegħu biex jaħslilhom riġlejhom (ara Ġw 13, 4-11). U intom il-ħidma tagħkom tixbah ħafna lil dik ta’ Ġesu, għax intom bħalu sservu lill-morda; li Ġesu Kristu tant iħobb.
Għalhekk nixtieq ngħidilkom biex meta tkunu qed tagħmlu dawn il-ħidmiet, agħmluhom ukoll fid-dawl ta’ dawn it-tlett riflessjonijiet li għamilt ħalli waqt li tkunu qed tagħmlu l-ħidma twajba u tajba ħafna tagħkom tkunu wkoll qed tersqu lejn il-Mulej, għax intom tkunu qed tagħmlu l-opri tiegħu.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta