-
Archbishop Paul Cremona’s homily during Mass marking the installation of the President of Malta
-
Dar tal-Providenza, Siġġiewi
4 ta’ April 2014 -
Eċċellenza President ta’ Malta u s-Sinjura Abela,Eċċellenza s-Sinjura President elett u s-Sur Preca,Fuq ix-xewqa tal-Eċċellenza Tagħha, il-President-elett Marie Louise Coleiro Preca, aħna qegħdin nagħmlu din il-quddiesa fuq l-art tad-Dar tal-Providenza. B’dan il-ġest inti ridt turi programm tal-presidenza tiegħek, kif int diġà stqarrejt diversi drabi. Inti xtaqt li din il-quddiesa tkun ukoll ċelebrazzjoni tal-imħabba lejn il-fqar u ta’ kull min qiegħed ibati. Fil-fatt, il-lezzjonijiet kienu magħżulin għal dan l-iskop. Jiena se nagħmel xi riflessjonijiet fuq l-imħabba lejn il-fqar f’kuntest Nisrani.Fil-ktieb tal-Ġenesi, Alla jiġi deskritt bħala dak li ħalaq lir-raġel u l-mara xbieha tiegħu, Adam u Eva. Huwa tahom il-missjoni biex jieħdu ħsieb il-ħolqien kollu. Alla qiegħed xrara tal-imħabba tiegħu f’kull bniedem. Min jemmen dan, jibda jħares lejn il-bnedmim l-oħra mill-lenti ta’ Alla l-Imbierek. Kultant nibdew nonqsu mill-imħabba lejn l-oħrajn għax inqiesu fatturi oħra: lewn tal-ġilda, livell soċjali, nazzjonalità, qabel din il-verità li tagħmilna xbieha t’Alla. Din hija l-qofol tal-imħabba nisranija.Il-kelma t’Alla turina wkoll li nistgħu nagħmlu ħsara lill-ħutna. Għandna l-eżempju ta’ Abel u Kajjin. Kajjin qatel lil ħuh Abel minħabba l-għira li kellu għalih. Alla talab kont tad-demm ta’ Abel. L-imħabba saret ġlieda ġewwa fina. L-ewwel għadu li rridu nirbħu biex nibdew inħobbu jinsab ġewwa l-bniedem fih innifsu.L-imħabba l-ewwel li tibda minn ġewwa fina. Trid konverżjoni tar-ruħ. Għalhekk, San Pawl, fis-silta li qrajna jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela, sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umilta, ħlewwa u sabar . . . Aħfru lil xulxin bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk għamlu intom ukoll” (Kol 3, 12-13). Hija din l-attitudni li tħejjina biex inħobbu tassew. Jekk tonqos xi ħaġa minnhom, il-bniedem ma jasalx biex iħobb verament.Alla l-Missier bagħat lil Ibnu biex jerġa’ jġib kollox kif kien fil-bidu. Hu ġie fostna biex jaqsam il-ħajja u t-tbatijiet tagħna. Ġie fqir biex juri solidarjetà mal-fqar u l-batuti. Huwa għolliena fid-dinjità u minn xbieha sirna ulied ta’ Alla l-Missier. In-nisrani ma jistax ma jiftakarx f’dan il-kliem ta’ Ġesù li jgħodd għalih u għal kull bniedem ieħor. Mhux hekk biss, iżda kif qrajna fil-Vanġelu, Ġesù ġie biex jgħinna nidentifikaw ix-xbieha ta’ Alla f’kull bniedem, wkoll f’dawk il-persuni li hu diffiċċli għalina naraw din ix-xbieha ta’ Alla fihom. Fil-Vanġelu huwa jsemmi dawk li huma bil-ġuħ, dawk bil-għatx, il-barrani, dak li huwa għeri, dak li hu marid u dak li qiegħed fil-ħabs. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh mieghi”.Ovvjament, illum insibu forom oħra ta’ faqar: id-droga, ix-xorb alkoħoliku eċċessiv, it-tfal li jgħixu b’mod jew ieħor il-problemi jew il-kondizzjonojiet diffiċċli tal-ġenituri tagħhom. Ġesù ma setax jagħtina kliem iktar qawwi biex in-nisrani jħobb lil kulħadd iktar minn hekk. Wara dan il-kliem ta’ Ġesù, l-ebda nisrani veru ma jista jsib raġuni biex ma jħobbx lil kulħadd, b’mod speċjali l-foqra u l-batuti. Huwa ġie fid-dinja jfittex b’mod speċjali lil dawk li huma batuti u fqar.Għalkemm Alla l-Missier bagħat lill-Ibnu għall-bnedmin kollha, għax ilkoll tbegħdu minnu, iktar u iktar bagħtu fost il-fqar u l-batuti għaliex Alla jweġġa kull darba li jara bniedem, magħmul xbieha tiegħu, qiegħed ibati. Kellu sensittività kbira għat-tbatija tal-bniedem. Dan jixduh il-ħafna mirakli, b’mod speċjali għal dawk li d-dixxipli tiegħu kienu jippruvaw ibegħduhom minnu. Huwa mhux talli ma tbiegħdiex, talli kien ifittex li jiġi f’kuntatt magħhom. Għalhekk narawh b’mod speċjali ifittex il-fqar, il-morda u t-tfal li kien iħallihom jersqu lejh. Sidna Ġesù Kristu tant jagħti valur lil din l-imħabba, li jgħaqqad il-ġudizzju ta’ kull bniedem mat-twettiq ta’ din l-imħabba. “Tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. Dawn huma dawk li joqogħdu fuq il-lemin tiegħu fis-saltna.Għal Alla, li tħobb tfisser ukoll li tgħin lil dawk li qegħdin ibatu. Fl-ewwel lezzjoni mill-ktieb tad-Dewteronomju smajna “la twebbisx qalbek u tgħalaqx idek għal ħuk fil-bżonn imma iftah idek miegħu. Iftah idek sewwa lil ħuk, lill-fqar u lill-miskin f’artek”. Il-faqar tal-oħrajn, għan-nisrani huwa okkażjoni li l-Mulej jagħtih biex qalbu tinfetah għal batut u, jgħid id-Dewteronomju, “la ssewwidtx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej Alla tiegħek”. Din hija s-sejħa li San Pawl jagħmel lill-Kolossin u jagħmilha lilna, “U fuq kollox ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni. J’Alla s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom . . . Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3,14.17).Waqt li nsellem lill-Eċċellenza tiegħu, il-president George Abela u niringrazzjah għas-servizz li ta lill-pajjiżna, jien nawguralek, sinjura President elett, fil-bidu ta’ dan is-servizz ta’ għaqda u mħabba lill-poplu Malti u Għawdxi, u nwegħdek it-talb tal-Knisja f’Malta. Sinjura President elett, dan huwa l-kuntest li fih in-nisrani jrid jgħix ħajtu u l-missjoni tiegħu. Aħna nitolbu għalik biex twettaq din il-missjoni. Il-missjoni li ġiet fdata f’idejk hija iebsa u tqila, iżda min-naħa l-oħra tqegħdek f’pożizzjoni li tista’ tagħmel ħafna ġid lill-poplu kollu, b’mod speċjali lill-fqir u l-batut. Nawguralek.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Agius Studios, Stephen Barbara