• Archbishop’s message during Mass for Couples getting Married in 2014

  • Konkatidral, Valletta
    15 ta’ Frar 2014

           
    L-ewwelnett prosit ta’ din l-esperjenza li għadkom kemm qsamtu magħna. Tafu x’tgħallimt jiena minn din l-esperjenza?  Meta jkollok problema, hemm mod u mod kif taffrontaha. Min jaf kemm hemm koppji bi problemi bejniethom għaliex ma jafux jieħdu l-affarijiet skont it-toqol tagħhom, u l-problema jkabbruha għalxejn. Ftakru li x-xitan jinteressah li jżidilkom il-problemi; dak li jkun żgħir jipprova jagħmilulkom kbir ħalli imbagħad ikollkom verament il-problemi bejnietkom. Mela ħudu kollox fil-qies tiegħu, u daqsxejn ta’ humour ma jagħmilx ħażin.

    Mela l-ewwelnett nirringrazzjakom kif diġa rringrazzjatkom fil-bidu, issa nixtieq nirringrazzjakom talli intom għażiltu żwieġ nisrani, sagrament.  U ftakru, ħuti, mhux biex innaqqsu lill-oħrajn, imma intom għażiltu żwieġ sagrament u tridu turu ruħkom bħala persuni li jgħarfu żwieġ sagrament.

    X’inhu żwieġ sagrament? Tlett affarijiet. L-ewwelnett tridu jkollkom pjan quddiem għajnejkom, li hu l-pjan ta’ Alla l-Imbierek u tippruvaw twettquh. Ħa nfakkarkom x’inhu dan il-pjan. Alla l-Imbierek darba qal: isma’ kif se nagħmel biex ikun hawn l-imħabba fuq din l-art? U għamel dan il-pjan sabih. Ra ġens uman differenti minn xulxin. Imma mbagħad Alla qal: dan mhux biżżejjed għax permezz ta’ dawn it-tnejn iridu jiġu bnedmin oħra, it-tfal.. Allura x’nagħmel? Nagħtihom li din il-ġibda, kif ġara fikom, ma tibqax ġibda biss, imbagħad issir impenn. Aħna se nħobbu tant lil xulxin li aħna se nimpenjaw ruħna li nibqgħu dejjem ma’ xulxin u dejjem nirrispettaw u nħobbu lil xulxin tul ħajjitna kollha.

    Imma Alla l-Imbierek imbagħad kellu problema ohra. Kif se japprezzaw lil xulxin dawn it-tnejn? Taf x’nagħmel?  Ha nibda minn Adam – mhux importanti l-istorja, it-tagħlim wara l-istorja importanti – mela Alla mar għand Adam u tah lil martu. Issa żgur li jirrispettaha lil martu, ħaseb, tajthielu jien? Kif ma jirrispettahiex?  Mela ż-żwieġ  huwa don ta’ Alla l-Imbierek: l-għarus lill-għarusa, u l-għarusa lill-għarus. Hekk tridu tħarsu lejn xulxin, għax aħna xbieha t’Alla.  

    Alla  l-Imbierek qal: u jekk jien ngħidilhom iħobbu lil xulxin?  Hekk biżżejjed?  Fil-fatt Alla qal: mhux biżżejjed, żgur li mhux biżżejjed għaliex – ippermettuli mhux biex nikkritika –  imma l-imħabba li l-bnedmin jużaw bħala xi ħaġa umana biss, xi drabi tista’ tkun sfruttament tal-persuna l-oħra, xi drabi tkun biex tidħaq bil-persuna l-oħra, jew tittrattaha bħalma titratta għasfur. Mhux hekk!  Alla l-imbierek ried jgħallimhom kif iħobbu lil xulxin ħalli l-imħabba tagħhom ma tingħalaqx fi ftit żmien, imma ssir imħabba li kapaċi ddum.

    Darba xi nies kienu madwar Ġesu u qalilhom: għaliex int trid tneħħi t-tibna li hemm f’għajnejn ħuk u t-travu li hemm f’għajnejk ma tneħħihx? X’qed jgħidilna hawnhekk? Li aħna d-difetti ta’ ħaddieħor, ta’ min hemm ħdejna, dak Alla jbierek kollha nafuhom. Id-difett tiegħi, jiena nafu? Kieku issa kellkom ġo qalbkom stess tgħidu: imma jien x’difett għandi? Ma tkunx taf x’taqbad tgħid! Mela din hija l-ewwel waħda: l-imħabba tal-persuna ta’ ħdejja ma tidbhiex minnha, tibda minni: li jien inkun naf jien min jien, tant fit-tajjeb u tant f’li mhux tajjeb.

    Darba oħra kien hemm Pietru u qallu: imma kemm il-darba irridu naħfru? Sebgħa darbiet? Diġa ħafna! Imma Ġesu qallu mhux sebgħa darbiet imma sebgħa darbiet għal sebgħin darba!  Xi tfisser?  Kif nifhimha jien:  kull darba li ta’ ħdejk jista’ jwaġgħek xi ftit, bħalma jien inwaġġa’ lil minn hemm ħdejja, dejjem ftakru li l-weġgħat ma jiġux min-naha waħda biss, imma min-aħa tatt-tnejn, għax aħna bnedmin. U l-Papa qal aħna midinbin bħalma jien midneb. Il-Papa qalha għalih u jien ngħidha għalija. Allura meta Ġesu qalilna sebgħa u sebgħin darba, ifisser tħallihiex dik il-weġgħa tal-mument tagħmel bik u żżommha f’qalbek, imma aħfer! Għid: u iva hawn nies ibatu fid-dinja,  hawn tant trabi qegħdin imutu bil-ġuh! Hu jien ser inkabbarha għax min hemm ħdejja nzerta qalli kelma mhux f’postha?  Dan kollu? Se nkabbarha daqshekk? 

    U l-aħħar ħaġa li qalilna il-Mulej. Alla l-Imbierek qal: weħidhom mhux se jirnexxilhom jgħixu din l-imħabba li lesta taħfer dejjem. Taf x’nagħmel? Noffrilhom għajnuna.  Tiftakru l-għarajjes ta’ Kana? Weħidhom ma kienux se jsolvuha l-problema tagħhom, imma għaliex daħal Kristu fin-nofs allura solvew il-problema ta’ nuqqas ta’ nbid. Ma kienitx l-ikbar problema imma permezz tagħha Ġesu qalilna: jiena lest biex ngħinkom. Importatni li tħallulu l-ħin. Jekk ma tħallulux ħin, Ġesu jkun irid jgħineku u int qed tgħidlu: le jien tajjeb kif jien. Is-siegħat kollha mimlijin b’xi ħaġa jew oħra u m’hemmx ħin għal Gesu. Mela  jekk  ma jimpurtax nagħtikom daqsxejn ta’ suġġeriment: investu fil-quddiesa. Investu fil-quddiesa, f’dawk l-affarijiet li jqaddsuna ħalli ssib waqt fejn inti tgħidlu: Mulej, għini f’dan il-mument.  

    Kemm il-darba jiġi xi ħadd għandi, għarajjes jew miżżewġin per eżempju, xi ħadd minnhom, u dawn l-ewwel iħallu l-problema tasal sa l-aħħar, sax-xifer, u mbagħad jiġu għall-għajnuna. Mela jien kapaċi nagħmel miraklu?  Ejja meta bdiet il-problema. Tiftakru x’kellna fil-Vanġelu tal-lum (Mt 5 17-37)? Mhux meta tirrabja biss hu ħażin, imma meta inti tnissel ġo qalbek diġa  sentimenti ta’ rabja! Mhux biss meta inti tmur ma’ xi ħaddieħor  hu ħażin, imma meta int se tiżżewweġ u kontinwament iżżomm il-ħsibijiet tiegħek fuq ħaddieħor,  int qiegħed tazzarda li Alla ħares qatt ikun hemm l-adulterju, l-infedeltà. 

    Jiena nieqaf hawnhekk. Mela ftakru li intom qegħdin hawnhekk, grazzi ħafna. Il-Mulej jistenna minn għandkom  ħafna, b’mod speċjali biex turu lid-dinja li ż-żwieġ, dejjem bejn raġel u mara, hu possibli u sabih, li koppja li tkun miżżewġa quddiem il-Mulej Ġesu kapaċi tagħti lit-tfal it-trobbija kollha tul ħajjitha kollha. Nirringrazzjakom mill-ġdid u nawguralkom għal din is-sena  meta se jkollkom il-mument tat-tieġ tagħkom.