-
Archbishop’s message during the Vigil of the Immaculate Conception
-
Katidral tal-Imdina
7 ta’ Diċembru 2013Ħuti, hawnhekk iltqajna llum f’isem Radju Marija biex niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa ta’ Sidtna Marija. Aħna nafu x’inhu dan il-misteru. Alla ħalaq il-bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu, u sfortunatament, kif rajna fl-ewwel lezzjoni (Ġen 3, 9-15,20), Adam u Eva, jiġifieri l-umanita dinbet kontra Alla. Hawnhekk naraw u nimmaġinaw min jaf Alla l-Imbierek, il-ħallieq, x’ħass meta dak li ħalaq hu fil-fatt sema’ mix-xitan u waqa’ fid-dnub. Imma Alla li hu ħanin, jaf kemm aħna nistgħu niżbaljaw, minflok ma telaqna għamel wegħda permezz ta’ Noe u qallu: “Jiena qatt mhu se neqred l-umanita li dinbet” (ara Ġen 9,11). Alla l-Imbierek għamel għażla kbira. Issa jrid jimxi magħna mhux bħala bnedmin mingħajr dnub; irid jimxi magħna bħala bnedmin midinbin. U Alla hekk qed jimxi magħna. Ma jistax jippretendi dak li jippretendi minn xi ħadd li m’ġħandux ħtija. Imma jrid jimxi magħna ħalli dawk il-ħtijiet li aħna nagħmlu jkun jista’ jneħħihomlna minn qalbna u minn ruħna.
Niġu għal dak li qegħdin niċċelebraw illum. Alla l-Imbierek għamel il-pjan tiegħu: jiena nibgħat lil Ibni biex ikun jista’ jimla l-umanita bid-divinità tiegħu. Jiġifieri aħna mal-umanità għandna d-divinità ta’ Sidna Ġesu Kristu, biex Sidna Ġesu Kristu jgħallimna verament x’inhuma l-ħsibijiet ta’ Alla għax inkella nistgħu nitfixklu. Kristu ġie fid-dinja biex jagħmel Knisja ħalli tkompli dik li kienet il-missjoni tiegħu. Biex għamel dan kollu, Alla l-Missier għażel waħda xebba jisimha Marija kif rajna fil-Vanġelu tal-lum (Lq 1,26-38). U ‘l dik ix-xebba bagħtilha l-anġlu biex jgħidilha li hi se tkun omm Alla.
Il-fatt li Sidtna Marija ġiet ippreparata biex tkun bla tebgħa hija grazzja mhux biss għal Marija – importanti li ngħiduha – hija grazzja li Alla l-Missier l-ewwel li ta lil-ibnu. Immaġinaw lil Alla l-Missier jibgħat lil Sidna Ġesu Kristu l-ewwel ġewwa ġuf li ma kienx bit-tebgħa tad-dnub. Immaġinaw kieku hemmhekk Kristu kien qiegħed imdawwar bid-dnub tan-nisel, kieku Sidtna Marija kellha id-dnub tan-nisel.
Imbagħad kien don kbir għall-umanita kollha għaliex Marija bl-iva tagħha pattiet għal dak li għandna fil-Ġenesi li għamlu Adam u Eva. Dawk qalu lil Alla: aħna ma rridux li niġu mmexxijin minnek! Dak tfisser is-siġra tat-tajjeb u l-ħażin. Imma għall-ewwel le li aħna l-bnedmin għidna lill-Mulej, kien hemm Sidtna Marija li qalet iva. Ippermettuli l-kelma, Sidtna Marija tat il-permess lil Alla l-Imbierek biex, permezz tagħha, hu jkun jista’ jitwieled hawn fostna u jsir bniedem bħalna. Biex jagħmel dan Sidna Ġesu Kristu għamel li Sidtna Marija tkun bla tebgħa. F’Sidtna Marija daħal intervent ta’ Alla l-Imbierek bil-grazzja tal-istess ibnu li mbagħad ġabilna l-ħelsien meta kien qiegħed fuq is-salib. Sidtna Marija kienet lesta biex tista’ taċċetta lil Sidna Ġesu Kristu bħala Binha.
Imma nagħmlu daqsxejn ta’ mistoqsija: imma x’differenza għamlet f’Sidtna Marija l-fatt li hija kienet bla tebgħa? Jien naħseb nistgħu nagħtu żewġ tweġibiet. L-ewwel tweġiba hija li ġo fiha Sidtna Marija kienet bla tebgħa, u allura mhux biss bla tebgħa imma qatt ma għamlet dnub. Min jaf Alla l-Imbierek kemm kien kuntent biha għaliex hija l-uniku kreatura, l-unika bniedma li kienet bla dnub kemm meta twieldet kemm ukoll fil-ħajja tagħha. L-uniku persuna!
It-tieni għaliex ġo fiha daħal l-Ispirtu s-Santu. Smajniha fil-Vanġelu tal-lum. L-anġlu jgħidlha: Isma’ Marija, toqgħodtx tibża’ għaliex l-Ispirtu s-Santu ġej fuqek! Mela peress li hi kienet bla tebgha, l-Ispirtu s-Santu seta’ jidħol fiha qabel ħafna ma daħal fl-ewwel membri tal-Knisja. Kienet l-ewwel waħda li rċeviet l-Ispirtu s-Santu.
U allura jiena naħseb li llum nistgħu nikkonsidraw lil Marija b’dawn id-doni tagħha. Dawn l-aħħar Papiet qegħdin jinsistu ħafna fuq li aħna għandna bżonn li nkunu evanġelizzaturi. Evanġelizzaturi tfisser żewġ affarijiet. L-ewwel ħaġa li jien inkun naf il-Vanġelu. Kif nista’ naf il-Vanġelu jekk jien m’għandiex jew lanqas ikolli interess li noqgħod iktar attent għal dan il-Vanġelu biex ikun ġewwa qalbi? It-tieni ħaġa hi li meta tieħu l-Vanġelu u jidħol ġo fik, hemmhekk isir l-aħbar it-tajba jiġifieri li tkun trid taqsmu ma’ ħaddieħor.
Ħa naraw f’Sidtna Marija x’differenza għamlet din il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fiha. L-ewwelnett Sidtna Marija semgħet u emmnet. Sidtna Marija semgħet lill-anġlu jgħidilha xi ħaġa li fehmet li hi xi ħaġa li ħlief għal Alla tkun impossibbli. Imma emmnet. Semgħet u emmnet. Meta marret għand Eliżabetta. Marret għand Eliżabetta u semgħet il-kliem minn għand Eliżabetta li kien ġej mill-Ispirtu s-Santu, u kienet – hekk għandna fil-Vanġelu – kienet iżżomm dan kollu f’qalbha, mhux tinsieh, jiġifieri dawn l-esperjenzi kollha kienu jaqbdu ma’ xulxin biex il-ħajja tagħha tkun mixja sħiha.
Imbagħad naraw lil Sidtna Marija meta marret it-tempju u kien hemm ix-xwejjaħ Xmuni u qalilha li sejf għad jinfidlek qalbek. U Sidtna Martja emmnitu u żammet dal-kliem ġewwa qalbha. U meta kien hemm binha ta’ tnax il-sena u qalilha li hemm bżonn li hu jagħmel ir-rieda tal-Missier, hi ħadet dik il-kelma, ingħaqdet ma’ Binha Ġesu u saret ħaġa waħda miegħu. Mela, jekk irridu nkunu evanġelizzaturi, l-ewwel pass hu: irridu noqgħodu attenti għall-kelma t’Alla anke meta niġu l-quddies. Din irridu nimxu daqsxejn fiha għax aħna l-idea għandna li niġu għall-quddies, imma fil-quddies hemm il-kelma u jekk jien niġi b’kurżità, ħa nara l-Mulej, jum wara l-ieħor, x’qed jgħallimni, allura hemmhekk verament nagħmel l-ewwel pass ta’ evanġelizzatur jew evanġelizzatriċi.
It-tieni fatt li għandna f’Sidtna Marija bħala ħabbara ta’ Sidna Ġesu Kristu narawh anke fil-ħajja tagħha. Marret għand Eliżabetta u hemmhekk l-ewwel darba li ppreżentat lil Binha Ġesu fil-ġuf lil xi ħadd. Bdiet tkun evanġelizzatriċi għax ferħet lil Eliżabetta. Meta t-tarbija twieldet ipprezentatha lir-ragħajja,. Meta kibret allura Sidtna Marija bdiet tgħid il-kelma tagħha biex il-kelma tagħha tibqa’ tikber u ssir iktar qawwija. Naraw lil Sidtna Marija li tibqa’ miexja sa taħt is-salib u hemmhekk ħdejn Binha Ġesu, kienet taf li qiegħda tagħti xhieda tal-missjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. Ma beżgħatx, sal-aħħar baqgħet evanġelizzatriċi.
Ħuti, il-Papiet qed jgħidulna li hemm bżonn li kull wieħed u waħda minna ikun evanġelizzatur jew evanġelizzatriċi, għax il-kelma irridu nwassluha lill-oħrajn. Jalla l-eżempju ta’ Sidtna Marija ikun għalina tqanqila kbira biex aħna wkoll nagħmlu bħalma għamlet hi, inkunu ħabbara tal-Mulej.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta