• Archbishop’s message on Mission Day

  • Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ

    20 ta’ Ottubru 2013

    Huti, aħna llum qegħdin niċċelebraw jum il-missjoni. Nirringrazzjaw lil ħutna mill-Ghana li ġew jagħtuna ħjiel ta’ kif il-quddiesa tkun imsebbħa fl-art tal-missjoni.

    X’inhi l-missjoni? Il-missjoni mhi xejn ħlief il-mod kif il-Knisja tkompli l-missjoni ta’ Ġesù fl-istorja tas-salvazjoni tagħna. Ejjew inpoġġuha f’kuntest. Alla l-Imbierek ħalaq id-dinja u ħalaq kollox sew. Sfortunatament il-bniedem dineb imma Alla l-Imbierek xorta baqa’ jittama li jkun hemm art u sema kif xtaqha hu. Imbagħad f’Israel rajna dik il-missjoni tal-paċi fid-dinja kollha u jgħid Isaija: “dawk li għandhom ix-xwabel jinbidlu f’sikek tal-moħriet u dawk li għandhom  il-lanez jinbidlu fi mnieġel” (Is 2,4).   

    Fl-Antik Testment għandna storja sabiha. Alla l-imbierek, permezz ta’ Noe jagħmel wegħda (ara Ġen 8,21):  jiena qatt mhu se neqred il-ġens uman allavolja issa mtaqqal bid-dnub. Jiena lest li nimxi miegħu ħalli hu jasal fejn xtaqtu jien li ħlaqtu, fejn kollox huwa tajjeb.

    U Alla l-Imbierek l-ewwel beda billi għażel lil Abraham, u lil Abraham Alla l-Imbierek qallu: in-nisel tiegħek se jkun daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar. U meta Alla kellem lil Abraham għamillu żewġ wegħdiet;  l-ewwel qallu inbierkek imbagħad għamillu it-tieni wegħda biex il-barka tiegħek tinxtered ma’ truf l-art kollha, permezz tiegħek se nbierek lil dawk kollha, lil-ġnus kollha (ara Ġen12, 2-3). Għalekk mill-bidu Alla l-Imbnierek għażel poplu li permezz tiegħu ried jilħaq lill-bnedmin kollha. Għall-ebda mument Alla l-Imbierek ma ried jingħalaq f’poplu wieħed.

    Imbagħad ġie Sidna Ġesù Kristu. Għalkemm Sidna Ġesù Kristu wettaq il-missjoni tiegħu propju fil-Palestina, fl-art tal-Lhud, huwa ġie għall-ġnus kollha, kif Alla kien qal lil Abraham. Sidna Ġesù Kristu lid-dixxipli,  diġa beda jurihom li hu ma ġiex biss għalihom. Hekk, ġara li kien hemm waħda mara Sirofenicja, jiġifieri mhux Lhudija, u għamel miraklu fuq it-tifla tagħha (ara Mk 7 24-30). Beda jurihom li ġie għal kulħadd, kien hemm ċenturjun  li ġie jitolbu ħalli jfejjaqlu l-qaddej tiegħu u Sidna Ġesù Kristu fejjaq lit-tifel għat-talba ta’ dan il-pagan (ara Mt 8,5-13).

    Lid-dixxipli, Sidna Ġesù Kristu beda jurihom li l-missjoni tagħhom ma tistax tingħalaq fil-poplu Lhudi imma trid tinxtered. Tant hu hekk li fil-Vanġelu li qrajna llum (Mk 16, 15-20) Sidna Ġesù Kristu qabel tela’ is-sema, l-aħħar kelma li jgħid lill-appostli ma kienetx ‘isma ħudu ħsieb tal-merħla’, biss, imma “morru fid-dinja kollha, morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba”. Għahekk nistgħu ngħidu li l-Knisja ġiet imwielda bħala missjunarja. Il-Knisja qiegħda hemmhekk mhux għaliha, il-knisja qiegħda hemmhekk biex il-kelma li Alla taha, u li hija tgħożż,  tkun tista’ twassalha mad-dinja kollha. Rajna  wkoll, kif il-Knisja fil-bidu nett b’mod speċjali permezz ta’ San Pawl, bdiet tixxerred kullimkien.

    U hawn niġu għall-missjoni. Aħna lkoll missjunarji ħuti. Għidniha fl-ewwel talba li għamilna, aħna missjunarji għaliex kull mgħammed huwa missjunarju. Missjunarju jiġifieri li l-Kelma li għandu ġewwa qalbu jixtieq jaqsamha ma’ ħaddieħor. Titfakru fl-Ittra ta’ San Pawl kemm kienet qawwija: aħna nemmnu f’qalbna li Ġesù qam mill-mewt u rridu nistqarru b’fommna il-fidi tagħna (Rum 10,9). Kull nisrani, jiena u intom, irridu naraw x’nagħmlu biex f’pajjiżna stess inxerrdu l-Kelma. Imma dak mhux biżżejjed. Għalhek kull komunità Nisranija, bħalma aħna għandna hawnhekk f’Malta, tibda tibgħat nsrara biex f’isimha, dawn il-missjunarji, jmorru bogħod minn pajjiżna, ħalli jaxandu l-Kelma u jkomplu l-istorja tas-salvazzjoni.  

    U aħna dak li qed niftakru llum, f’dawn l-aħwa kollha li qegħdin ixandru l-Evanġelju l-bogħd minn xtutna. Importanti li marru f’isimna, mhux weħidhom marru, f’isimna qegħdin ikomplu dak li qal Alla l-Imbierek sa mill-bidu biex il-Kelma tiegħu tixxerred ma’ kullimkien. It-talba tagħna llum hija din: jekk huma qegħdin f’isimna, aħna għandna dmir ngħinuhom, nitolbu għalihom, nitolbu għall-popli fejn huma qegħdin iwasslu l-Kelma u ngħinuhom kif nistgħu. Għalhekk ngħinuhom għax hafna drabi jkunu ġo pajjiżi fqar, mhux dejjem, imma ħafna drabi ġo pajjiżi fqar. Permezz tagħhom Alla jkun qed juri ħniena ma’ dawk in-nies ta’ dawk il-pajjiżi.

    Ejjew illum b’mod speċjali f’din il-quddiesa nitolbu għall-missjunarji tagħna. Ftakru li llum għandna  missjunarji qassisin, missjunarji reliġjużi, u għandna wkoll  missjunarji lajċi li jmorru minn hawnhekk kultant bil-familji tagħhom,  biex iwasslu l-Kelma. Nitolbu l-Mulej ibierek lil dawn kollha.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta