• Archbishop’s Message on the Pastoral Visit Opening Mass in Zurrieq

  • 13 ta’ Ottubru 2013

    Aħna qegħdin fil-bidu taż-żjara pastorali tiegħi fil-parroċċa. X’inhi l-paroċċa? Il-parroċċa hija żewġ affarijiet. L-ewwelnett hija l-komunità li tiltaqa’ hawn, imma mbagħad il- parroċċa tfisser ukoll it-territorju li l-Isqof ikun ta lil din il-komunità biex tevanġeliżżaha. Per eżempju għaliex in-Nigret mhijiex parroċċa? Għaliex m’għandhiex territorju propju tagħha. Imma ż-Zurrieq hija parroċċa għaliex l-Isqof ta’ dak iż-żmien kien qal: “Isma’ din il-komunità qed tikber, għaliex ma nagħtihiex biċċa mid-djoċesi tiegħi biex tidħol hi u tevanġeliżżaha hi? U b’hekk bdiet il-parroċċa taż-Żurrieq.

    U jiena f”dawn il-ġranet se nagħmel żewġ mistoqsijiet lill-kummissjonijiet li niltaqa’ magħhom. L-ewwel mistoqsija tkun: Kif sejrin bħala komunità parrokkjali? Mexjin il-quddiem fl-imħabba tagħkom lejn Sidna Ġesù Kristu? U t-tieni mistoqsija hija: u x’qed tagħmlu għal dawk li huma bogħod mill-Knisja, li ma jiġux hawn? Qed tagħmlu xi ħaġa biex huma jkunu jistgħu jiġu magħna wkoll?  Din hija t-tieni mistoqsija li nagħmel fil-kummissjonijiet u llum qed nagħmel ukoll lilkom: xi rridu nagħmlu biex dawk li huma bogħod, ħutna li huma bogħod, forsi tbegħdu mill-Knisja, ikun xi ħadd minna jew aħna flimkien li nerġgħu inġibuhom biex huma jifhmu kemm hu sabiħ li tkun qrib Alla.

    X’inhi komunità parrokkjali?  Komunità parrokkjali mhi xejn ħlief komunità li trid iġġib fis-seħħ illum u f’dal post dak li għamel Ġesù. Sidna Ġesù Kristu elfejn sena ilu għamel xi għemejjel. Komunità parrokkjali hija dik il-komunità li tiehu ħsieb li jidhru dawn l-għemejjel ta’ Ġesù fostna, biex aħna nkunu nistgħu niġbdu lill-oħrajn. Din hija l-komunità parrokkjali li aħna rridu nsibu f’dan il-post taż-Żurrieq.

    Allura jiena se ngħidilkom daqsxejn liema huma l-għemejjel kbar li għamel Sidna Ġesù Kristu  u kif jiġu riflessi fil-komunità parrokkjali. L-ewwel ħaġa li għamel Ġesù, tiftakru, kien li għażel xi appostli biex huma jkunu jistgħu jimxu miegħu. Ġesù qatt ma pprietka waħdu, Ġesù dejjem ipprietka imdawwar mid-dixxipli tiegħu.  U allura l-ewwel ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu għaqqad komunità, rawwem lil din il-komunità tal-appostli b’mod speċjali biex hu jkun jista’ jagħmel il-missjoni tiegħu imdawwar minnhom. Mela l-ewwel ħaġa li trid tkun komunità parrokkjali hija li tkun f’komunjoni, li tkun verament parroċċa, li tkun verament maqgħuda fi Kristu Ġesù bħalma kienu fi żmienu.

    F’Sidna Ġesù Kristu naraw tlett għemejjel speċjali. Dawn it-tlett għemejjel huma: Ġesù kien jitlob, Ġesù kien jgħallem u Ġesù kien ifejjaq.

    Ġesù kien jitlob. Aħna naraw lil Ġesù bħala bniedem kemm il-darba jmur waħdu jew mal- appostli biex hu jitlob lil Alla l-Missier. U allura ma jistax ikollok komunità parrokkjali li ma titlobx lil Alla l-Missier flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu. Din il-komunità trid titlob lil Alla l-Missier. Għalekk aħna f’parroċċa jkollna ġeneralment il-kummissjoni tal-liturġija. Dawn, tal-kummissjoni, b’sagrifiċċju ilestulna l-knisja, ilestuna per eżempju l-power point li kellna, ilestulna dak kollu li għandna bżonn biex aħna nkunu nistgħu nitolbu ahjar. Dik hija l-kummissjoni tal-liturġija. Kemm hu sabiħ li jkun hemm dejjem iktar minnkom jippruvaw jagħtu s-sehem tagħhom lil-komunità anke permezz tal-kummissjoni tal-liturġija.  

    It-tieni ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu kien imur kullimkien jgħallem. Aħna llum fiż-żmienijietna għandna kummissjoni li aħna ngħidulha l-kummissjoni kateketika. Fi żmieni, meta kont żgħir jien, konna nifhmu bil-katekeżi dik li nagħtu lit-tfal iż-żgħar, imma llum il-Knisja qed tgħidilna:  kif nistgħu ngħallmu lit-tfal iż-żgħar jekk  ma ngħallmux lil-kbar ukoll biex ikunu jafu bħal dawn it-tfal u jkunu jistgħu jgħinuhom? Għalehkk illum qed ikun hemm ukoll katekeżi tal-kbar.

    U nixtieq ngħid xi ħaġa ftit negattiva. Donna għadna ma ftaħniex moħħna u qalbna dwar kemm huwa importanti li aħna nitgħallmu. Ara meta jkun hemm adorazzjoni, niġu, nifhmuha l-adorazzjoni u allura niġu għaliha. L-adorazzjoni tmiss il-qalb, u hija ħaġa importanti ħafna. Imma mhux il-qalb biss hemm bżonn tinbidel, hemm bżonn  jinbidel il-mod kif aħna nirraġunaw. Per eżempju x’inhi l-mewt? x’inhi l-ħajja? x’inhi l-imħabba? x’inhuma l-bnedmin li hawn f’din id-dinja?  U dawn insibuhom biss fil-kelma t’Alla. Nixtieq li intom tagħmlu daqsxejn ta’ kuraġġ u meta fil-parroċċa jkun hemm xi kors ta’ katekeżi għall-kbar tiddejqux tiġu fiha anke jekk  ma tifhmux kollox, imma tibdew tirraġunaw. Tgħid: ħa nara lejn il-bnedmin kif irrid inħares. Niftakar li għandna fil-Kelma t’Alla li huma xbieha t’Alla u nibda nħares lejhom bħala xbieha t’Alla, mhux il-qoxra biss. Dak ifisser nibdew nirraġunaw skont il-Kelma t’Alla li hemm fl-Iskrittura.

    U t-tielet ħaġa li kien jagħmel Ġesù – rajnih illum fil-Vanġelu – kien imur min-naħa għall-oħra ifejjaq in-nies. Illum rajnih ifejjaq għaxar lebbrużi. U Sidna Ġesù Kristu għamel dan għaliex hu ried jgħidilna li l-Missier ma jieħux gost bit-tbatijiet tagħna u bagħat lil Ġesù biex jurina li ma jieħux gost bit-tbatijiet tagħna. Għalhekk, f’kull parroċċa ikollna kummissjoni – kelma daqxejn tqila imma nħalluha tidħol ġo widnejna – kummissjoni diakonia. X’inhi din il-kummissjoni? Din tagħmel dik il-ħidma li għamel Sidna Ġesù Kristu meta kien jara lil dawk li kienu qegħdin ibatu u jmur jgħinhom u jħares lejhom u jkellimhom, u fil-kas tiegħu kien ifejjaqhom. Il-parroċċa wkoll, biex tkun verament komunità trid toqgħod attenta għal dawk fostna li qegħdin ibatu, b’xi mod jew ieħor, u din il-komunità tipprova tagħmel mill-aħjar biex tfarraġ lil dawk li qegħdin ibatu. Kemm u sabiħ ikollok komunità fejn nagħtu kas ta’ xulxin; kemm hu sabiħ li jkollok komunità li bħal Kristu tkun attenta għal dawk li qegħdin ibatu u tipprova tgħinhom. Jiġifieri meta tindunaw xi ħadd li qiegħed ibati, naħseb l-aħjar mod tkellmu lill-Arċipriet biex hu jara li jkun hemm iktar nies li jivvolontarjaw biex huma jkunu jistgħu jgħinu lil dawk li huma morda jew qegħdin ibatu.

    Sidna Ġesù Kristu kien ukoll imur ifittex in-nagħġa l-mitlufa. Sidna Ġesù Kristu kien ifittex dawk li allavolja kienu kontrih jew kienu jagħmlulu l-ħsara xorta kien ifittex li jġibhom biex jemmnu fih. Il-komunità parrokkjali trid tkun komunità li jinteressaha minn dawk li huma bogħod. Darba tafu x’qal Ġesù: ikun  hemm iktar ferħ fis-sema meta jkun hemm midneb li jersaq lura lejn il-ġemgħa milli għad-disgħa u disgħin l-ohra li m’għandhomx bżonn indiema. Jiġifieri, ma nafx kemm tesa din il-knisja, jekk aħna li qegħdin sitt mija, erba mija – ifhmuha din – Ġesù kien iktar jieħu gost kieku kien jara xi wħud minna li s-soltu ma jkunux magħna u llum ġibnihom hawnhekk. Allura jekk aħna erba mija, kieku ġibnilu mqar erbgħa, konna nkunu qed nagħmlu dak li qalilna hu. Mhux għax ma jħobbniex lilna, imma għandu rasu mistrieħa bina għax aħna niġu hawn, ikellimna, nitqarbnu, inqerru, rasu mistrieħa minna. Imma minn dawk li huma bogħod mhuwiex rasu mistrieħa u aħna nistgħu nserħulu rasu jekk inkunu aħna stess lil dawn in-nies inġibuhom qrib tal-Mulej Ġesù.

    Ma rridtx inħalli l-Vanġelu tal-lum barra (Lq 17, 11-19) għax huwa Vanġelu sabiħ ħafna, tal-għaxar lebbrużi li l-Mulej naddaf mill-mard tagħhom. U jiena nixtieq nagħmel riflessjoni żgħira. Tiftakru kif kienet? Disgħa kienu kuntenti biss għaliex fejjaqhom, wieħed li kien Samaritan, reġa’ lura għand Ġesù.  Għalhekk weġġa’ Ġesù mhux għax ma qalulux thank you! Mela Ġesù qatt ippretenda li xi ħadd jgħidlu grazzi? Qatt, għax hu dejjem ta, mingħajr ma stenna xejn lura.  Id-differenza kienet li waqt li dawk id-disgħa lebbrużi ikkontentaw bil-fejqan tal-ġisem tagħhom, dak is-Samaritan meta mar għand Ġesù, Ġesù seta’ jagħtih lilu nnifsu. Dik id-differenza! Għax issa mar għand Ġesù,  u jiena naħseb li sar dixxiplu tal-Mulej Ġesù.  

    Dan li jrid jgħallimna. Ejjew ma nħarsux lejn il-Mulej biss għal dak li nistgħu nakkwistaw. Ma jimpurtax illi nitolbu, il-Mulej qatt ma jiddejjaq, imma ma nieqfux hemmhekk, Kemm nixtiequ Mulej li aħna jkollna, biex ngħid hekk, il-kurżita li nkunu nafu int x’għixt u int x’għallimt.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta