Katidral ta’ S. Ġwann
27 ta’ April 2013
Ħuti, fil-lezzjonijiet tal-lum aħna rajna tlett ħsibijiet li se nħalluhom imexxuna biex nifhmu aħjar il-ħajja tal-Beatu Federiku Osanam.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum mill-Apokalissi (7,9,14-17) aħna rajna li Alla l-Imbierek se jġedded kollox. Il-ħajja kif nafuha hawnhekk se tinbidel għax Alla jkun kollox f’kulħadd. Iż-żewġ lezzjonijiet l-oħra juruna t-triq li permezz tagħha se jsir dan it-tiġdid.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Atti 13,14,43-52) rajna lil Pawlu u ‘l Barnaba qegħdin iduru l-pajjiżi fejn kienu marru qabel u kienu qegħdin jgħidlhom u jħeġġuhom biex huma jibqgħu sħaħ fil-fidi. U l-fidi hija l-verità ta’ Alla. F’din id-dinja nistgħu nitfixklu x’inhu veru u le, imma jekk irridu nimxu lejn Alla irridu nsibu l-verità, nidħlu ħafna fiha u nimxu skont din il-verità.
U fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 10,27-30) għandna t-tieni triq: l-imħabba u Ġesù. Qed jgħid lid-dixxipli tiegħu biex “iħobbu lil xulxin” imma jerġa jikkwalifikaha “kif ħabbejtkom jien”. In-nisrani ma jistax jivvinta hu kif se jħobb lill-oħrajn; irid jagħraf dak li fil-Vanġelu għandna, kif Ġesù ħabb lil oħrajn u jipprova jimitah.
Jien qed ngħid dan għaliex xtaqt li nfisser il-ħajja tal-Beatu Federiku Osanam propju taħt dawn it-tliet aspetti differenti anke għaliex il-Beatu Ġwanni Pawlu II fil-beatifikazzjoni ta’ Federiku Osanam fl-1997 jgħid hekk: “Federiku Osanam kien bniedem ta’ Alla, mudell ta’ kuraġġ u determinazzjoni. Huwa kien kapaċi isemma’ leħnu favur il-verità, kien difensur tal-persuna umana bl-għemejjel ta’ karità li hu kien jagħmel favur il-fqar”.
Jekk aħna naraw il-ħajja ta’ Ġesù, nistgħu nsemmu l-ħajja tiegħu fi tlett mumenti differenti. L-ewwel waħda hi li qabel ma hu beda l-missjoni tiegħu, mar fid-deżert u hemmhekk ix-xitan ittentah u Ġesù rebaħ dak kollu li ġablu quddiemu x-xitan. Allura se naraw kif fl-ewwel perjodu ta’ ħajtu, Federiku Osanam kellu wkoll jiġġieled biex jikkonverti għall-fidi tiegħu qawwija.
It-tieni ħaġa li għamel il-Mulej Ġesù fil-missjoni tiegħu kien li jgħallem. Kien għad għandu tnax- il-sena, intilef mill-ġenituri tiegħu fit-tempju u hemmhekk beda jgħallem. Mela l-verità hi li Sidna Ġesù Kristu diġa’ ta’ tnax il-sena kien qiegħed jgħallem. Naraw kif Federiku Osanam l-ewwel mixja li kellu lejn il-Mulej kienet permezz ta’ sejba li hu kien qed jagħmel fil-verità ta’ Sidna Ġesù Kristu, iżda li qatt ma kienet mifruda milli qalbu tinfetah għall-karità lejn dawk li huma fqar.
It-tielet ħaġa li kien għamel Ġesù kienet li beda jmur ’l hawn u’l hemm ifittex b’mod speċjali lil dawk li huma fqar jew morda u jfejjaqhom. U allura il-kobor ta’ Federiku Osanam narawh meta Alla l-Imbierek mhux biss lilu għamlu appostlu tal-fqar imma ried li permezz tiegħu ikun hemm is-Soċjetà ta’ S. Vinċenz de Paul, għax billi Federiku Osanam miet ta’ 40 sena, ma kellux ħafna età, minn dak iż-żmien’l hawn il-ħidma tiegħu tkompliet mis-Soċjetà fid-dinja kollha. U aħna nirringrazzjaw lil Alla li għandna wkoll fergħa minn din is-Soċjetà ġewwa Malta, u li għadha qed tagħmel ħafna ġid.
L-ewwel pass fil-ħajja ta’ Federiku Osanam kien meta huwa mar ġo Lyons biex ikun jista’ jitgħallem u hemmhekk kien ittentat ħafna fil-fidi, fuq it-twemmin tiegħu. Franza ta’ dak iż-żmien kienet mimlija atejisti, dawk li ma jemmnux f’Alla, u allura hu bħala ġuvni għadu żgħir, lanqas kellu 20 sena, għadda minn dan kollu sakemm wasal il-mument li fih għeleb kollox u mbagħad ikkonverta biex il-ħajja tiegħu tkun mixja wara l-Mulej Ġesù.
It-tieni episodju tal-ħajja tiegħu nistgħu ngħaqqduh mal-verità, għaliex il-Beatu mar ġewwa Pariġi u hemmhekk iltaqa’ ma’ grupp ta’ nsara li kienu kollha mgħallmin sew u li kienu qegħdin jippruvaw jerġgħu jġibu l-fidi ġewwa Franza. Hemmhekk beda jiltaqa’ magħhom, forsi hu kien wieħed mill-iżgħar fosthom, u kienu jirriflettu flimkien fuq il-kelma t’Alla, imma ma kienux jieqfu hemmhekk. Wara li kienu jitkellmu fuq il-kelma t’Alla – u għalhekk għidt jiena li fil-fatt mhu mifrud qatt mill-imħabba – dawn kif kienu jispiċċaw il-laqgħa tagħhom kienu jagħmlu ġabra bejniethom biex jgħinu lill-fqar. Naħseb waħda mit-tagħlimiet kbar ta’ dan il-Beatu hija li jekk jista’ jkun mhux biss tagħti lil-fqar imma fejn hu possibli tiltaqa’, tmur tfittex lil-fqar biex huma jkunu jistgħu ukoll ikollhom l-esperjenza ta’ imħabba li jkollok ġewwa fik. Hija xi ħaġa li dejjem immarkat lil Beatu Federiku Osanam.
F’dan il-mument ukoll huwa baqa’ jistudja, sar avukat u kien ukoll professur ġo Sorbonne fi Franza għax kien bniedem ta’ għerf kbir. U biex il-fidi tiegħu permezz tal-verità li kien qiegħed jikber fiha, ma tibqax fih biss, mal-ewwel sar appostlu għaliex waqqaf gazzetta, kien jikteb bħala ġurnalist biex ikun jista’ jwassal il-kelma tal-verità bħalma għamlu Pawlu u Barnaba, kif rajna fit-tieni lezzjoni tal-lum. U allura din hija t-tieni fatt tal-Beatu Federiku Osanam. Kien ifittex il-verità, ħuti, hu jgħallimna li ma nistgħux verament inħobbu lil oħrajn kif ħabbhom Ġesù, kif qalilna fil-Vanġelu, jekk ma neħdux il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu u naqrawh, weħidna jew fi grupp, għax fil-vanġelu nsiru nafu x’jiġifieri tħobb lil-oħrajn. U ma nieqfux hawn, imma nħobbu kif ħabbna Ġesù.
Wasal il-mument fejn Il-Beatu waqqaf is-Soċjetà li fil-bidu kienet imsemmija għal karità: is-Soċjetà tal-Karità. U ta’ għoxrin sena Federiku Osanam diġa ta definizzjoni ta’ x’suppost tkun din is- Soċjetà tal-Karità: “Istituzzjoni Kattolika lajka”, mhux tas-saċerdoti jew tar-reliġjuzi, “fqira” araw kemm hu sabiħ dan il-kliem tiegħu, “fqira iżda mogħnija bil-fqar li trid tgħin”. Fqira imma mogħnija bil-fqar, jiġifieri dawk li huma verament l-għana tas-Soċjetà huma l-fqar li huma jgħinu. U kompla: “umli iżda numeruża.” Sakemm miet il-Beatu Federiku Osanam diġa kien hemm elfejn li kienu ssieħbuf’din is- Soċjetà tal-Karità, hekk kif kienet għada fil-bidu tagħha. Kien hemm żmien meta bidlul-isem tas-soċjetà. Ħadu l-ħajja ta’ S. Vinċenz de Paul u xtaqu li jkollha bħala padrun lilu, u baqgħet mssemmija għal dan il-qaddis.
Imbagħad il-Mulej daħal fil-ħajja tal-Beatu Osaman billi beda jibgħat lin-nies biex jagħtuh id-dwal. U hawnhekk għandna t-tielet fażi li hija l-fażi tal-karità profonda li kienet it-timbru li tidentifika din is-Soċjetà ta’ S. Vinċenz de Paul. Iltaqa’ ma’ soru tal-Karità, li mbagħad saret qaddisa, Sr Rosalie Rendu, li din kienet qegħda diġa tmur għand il-fqar biex tkun tista’ tgħinhom u kienet l-ispirazzjoni li bagħtlu Alla l-Imbierek permezz ta’ din is-soru, din il-qaddisa, biex hu verament isib il-kariżma li l-Mulej ried jagħti lil-Knisja permezz tiegħu. Din il-kariżma kienet l-imħabba lejn il-proxxmu.
Ta’ għoxrin sena, diġa kien spjega x’inhi l-karità: li tinsa lilek innifsek. Il-karità tfisser inħarsu lejn il-Mulej Ġesù, tagħti lilek innifsek saħansitra sas-salib. Min ma jridx jagħti minnu nnifsu ma jistax jgħid li qed jagħmel fil-karità, għax ikun qiegħed iżomm kollox għalih, Il-Bejatu fehem mill-ewwel fehem li biex tagħti xi ħaġa minnek trid tkun lest li tnaqqas minn dak li hu tiegħek. Imbagħad tikber fil-grazzja tal-għotja u hekk tikber fil-fidi tiegħek.
Qabel ma miet kiteb ktieb flmkien ma’ martu Emilie għax kien miżżewweġ u kellu tifla, u kiteb il-kliem tal-morda, frażijiet mill-Iskrittura Mqaddsa li jistgħu jkunu ta’ faraġ għal min ikun marid. Mela anke l-marda tiegħu swietlu biex hu jkun dak li jipprietka l-verità lil dawk li jiġu warajh. Dan hu l-bniedem t’Alla, dan hu l-bniedem li verament ta kollox.
L-aħħar ħsieb li xtaqt naqsam magħkom hu li llum irridu nbiddlu x-xejra tas-soċjetà tagħna. Hu kien jaf li kienu għadhom żgħar fil-bidu bħala soċjetà, allura x’qal? Ladarba aħna żgħar għad ma nistgħux inbiddlu t-tessut tas-soċjetà, ma nistgħux, aħna żgħar wisq. Imma allura aħna se nibqgħu b’idejna fuq żaqqna? Le, nippruvaw naraw dawk li hemm ħdejna u mmorru ngħinuhom ħalli nbiddlu s-soċjetà propju min isfel, minn dawk li huma fqar. Dan huwa l-Beatu Federiku Osanam. Huwa ta’ ġid għalina lkoll li nkunu, imma aħseb u ara għal dawk li għandhom il-grazzja li jkunu membri tas-soċjetà ta’ S. Vinċenz de Paul.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta