-
-
**
Direttur: Paul Thomas Anderson
Atturi: Joaquin Phoenix, Josh Brolin, Owen Wilson, Katherine Waterston
Ħin: 148 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 18
Klassifika tal-Knisja: 18
F’Los Angeles fis-snin 70, l-investigatur privat Larry “Doc” Sportello, li kważi l-ħin kollu jpejjep, l-aktrar il-marujana, ifittxuh nies għall-għajnuna. Tmur għandu Shasta Fay Hepworth, ex-maħbuba tiegħu, u titolbu jgħinha ma tħallix li jseħħ komplott biex jitfgħu lil maħbub korrenti tagħha, l-isviluppatur kbir Mickey Wolfmann, fi sptar mentali. Iż-żjara ta’ Shasta hija mdawwra b’segretezza kbira u misterjuża. L-investigazzjoni tiegħu ma tibdiex tajjeb: waqt li jmur ġo ‘massage parlour’ xi ħadd ifajjarlu daqqa u jintilef minn sensieh; x’ħin jistenbah isib ruħu ħdejn ġisem mejjet u l-għadu tiegħu, id-detective Bigfoot Bjornsen, iħares lejh. Wara li l-każ li jippreżenta dwar Wolfmann ma jiġix aċċettat mill-pulizzija minħabba nuqqas ta’ evidenza, Doc jieħu każ ieħor: jipprova jsib lil Coy, ir-raġel ‘mejjet’ ta’ Hope Harlingen; dan ir-raġel ‘mejjet’ fil-fatt huwa ħaj imma qed jagħmila ta’ informatur għall-awtoritajiet u ma jistax juri lilu nnifsu. Fl-istess ħin jidher li jaf ukoll dwar x’qed jiġri dwar ir-raġel ta’ Shasta. Id-detective Bjornsen mill-mod kif jitkellem suppost li qed jagħlaq dawn il-każi imma anke hu jinsab konfuż dwarhom.
Film thriller u kummiedja bbażat fuq il-ktieb ta’ Thomas Pynchon (2009). Film ambjentat fis-snin 70 u joħloq tajjeb l-atmosfera ta’ dawk is-snin. Fih diversi xeni li ma l-ewwel daqqa t’għajn jidhru li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin iżda li fl-aħħar wieħed jinduna li huma konnessi. Il-film fih ħafna teħid ta’ droga, kontenut sesswali qawwi u nudita’, vjolenza, u ħafna kliem ħażin u doppju sens. Jgħodd għal udjenza adulta.