• ***

    Direttur: Brian Helgeland
    Atturi: Tom Hardy, Emily Browning, David Thewlis, Duffy, Christopher Eccleston, Chazz Palminteri u Colin Morgan
    Ħin tal-Film: 131 min.
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Il-film LEGEND, taħt id-direzzjoni ta’ Brian Helgeland,  hu l-istorja ta’ l-aħwa tewmien, Reggie u Ronnie Kray li fis-snin sittin u l-bidu tas-snin sebgħin kienu ddominaw l-East End ta’ Londra  bil-ħidma kriminali u organizzata li tterrorrizzat it-territorju kollu. Hekk kif Ronnie ssib ruħu barra mill-ħabs, iż-żewġ aħwa raw kif għamlu biex jikkonsolidaw l-ħakma tagħhom fuq l–għemejjel tagħhom. Dan kellhom jagħmluh billi joffru sfida qawwija lil Charlie Richardson, gangster  ieħor magħruf u li l-gang tiegħu kienu joperraw fin-nofs-inhar ta’ Londra. Ronnie u Reggie għamlu patt mal-Mafia Amerikana li kienu ħerqana biex jistabilixxu ruħhom u jidħlu ġewwa Londra minn Havana. Huma kienu ċerti li sejrin isibu suq tajjeb, l-aktar fejn jidħol it-tixrid ta’ droga u l-ħasil tal-flus. Ronnie u Reggie kienu meqjusa bħala ċelebrita.

    Kellhom ħila kbira kif isiru midħla ta’ nies prominenti, famużi u sinjuri, tant li anke wasslithom li jkabbru  l-influenza tagħhom qalb xi politikanti nfluenti Ngliżi. F’qasir żmien saru tant dominanti li hadd ma seta’ jwaqqafhom. Sadanittant Reggie  jsir iħobb lil Frances Shea, tfajla ħelwa u ta’ valuri u għalkemm ommha ma kienitx tal-fehma li t-tifla tagħha tiżżewweġ kriminal ta’ fama. Iż-żwieġ bejn Reggie u Frances seħħ wara li Reggie wiegħed li sejjer jagħmel ħiltu kollha biex iħalli l-ħajja ta’  kriminalita’ li kien igħix fiha. Iżda l-kelma li Reggie ta lil Francis ma tantx damet fis-seħħ. Għalkemm Reggie kompla jespandi l-operazzjoni tiegħu f’negozju leġġittimu issa bħala proprjetarju  ta’ najtklubs, iżda kif jingħad xi darba tasal  ta’  kulħadd. Il-pulizija kellha għajnejha fuq l-operat tal-aħwa Kray. L-investigazzjoni kienet taħt it-tmexxija tal-ispettur ‘Nipper’  Read. Il-vjolenza u l-arroganza ta’ Ronnie kienet qegħda tagħmilha diffiċli għal Reggie u meta Ronnie, kiesaħ u biered joqtol lil George Cornell, is-sieħeb fin-nogozju ta’ Richardson, il-qagħda tkompli teħżien għall-aħħar. Biex tkompli tikber iktar il-problema, iż-żwieġ bejn Regggie u Frances jisfaxxa b’konsegwenzi koroħ. X’jiġri minn hawn?

    Film Ingliż, msejjes fuq storja vera ta’  l-aħwa tewmien Ronnie u Reggie Kray, kriminali magħrufa ġewwa Londra fis-snin sittin u li ddominaw ix-xena ta’ kriminalita’ għal tant snin. Minħabba vjolenza eċċessiva, sess, abbuż ta’ droga u xorb kif ukoll kliem goff u oxen, tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.