• ****

    Direttur: Thea Sharrock
    Atturi: Emilia Clarke, Sam Claflin, Janet McTeer
    Ħin: 110 minuti
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
    Klassifika tal-Gvern: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    Will Traynor, finanzjier f’Londra, iben familja sinjuruna li jgħixu f’kastell, iqatta’ l-ħin liberu tiegħu skiing, windsurfing, cliff-diving, u jdur ma’ nisa sbieħ. Ġurnata waħda waqt li jkun sejjer għax-xogħol bil-mixi jintlaqat minn mutur u jispiċċa paraliżżat. Il-kastell fejn jgħix Traynor mal-familja tiegħu qiegħed fuq għolja ħdejn raħal Ingliż li fih tgħix Louisa ‘Lou’ Clark, bint familja tal-ħaddiema, li tgħin lil-familja kbira tagħha billi taħdem bħala waitress. Lou għandha boyfriend li iżda  aktar moħħu fin-negozju u fli jiġri. Meta l-kafetterija fejn taħdem tagħlaq, Lou tmur tirreġistra għax-xogħol u tingħata xogħol temporarju mal-familja Traynor. Meta Lou tmur taħdem għand il-familja Traynor, sentejn wara l-inċident li ħalla lil Will ipparaliżżat, hi jkollha 26 sena, filwaqt li Will fuq it-30 sena. Will ikollu terapist jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu. Ommu tgħid lil Lou, li ma jkollha l-ebda esperjenza, li xogħlha hu li tkun ħabiba ta’ Will. Will iħeġġeġ lil Lou biex teduka ruħha u tiftaħ l-oriżżonti tagħha, filwaqt li hi tibda tinkoraġġih biex jinteressa ruħhu mill-ġdid fil-ħajja u ma joqgħodx jiddispra. Meta Lou issir taf li Will kellu appuntament fi żmien sitt xhur biex imur l-Isvizzer biex jagħmel l-ewtanażja hija  tagħmel aktar l-almu tagħha biex iġġgħalu jħobb mill-ġdid il-ħajja u jħassar l-appuntament li kellu fl-Isvizzera.
     
    Film romantiku, adattat mir-rumanz ta’ Jojo Moyes. Film sabieħ u sentimentali. Emilia Clarke u Sam Claflin jaħdmu parti tajba ħafna. Il-film jittratta t-temi ta’ l-imħabba u l-ewtanażja. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.