• ****

    Direttur: F. Gary Gray

    Atturi: Vin Diesel, Dwayne Johnson, Jason Statham, Michelle Rodriguez, Tyrese Gibson, Chris Bridges, Nathalie Emmanuel u Kurt Russell

    Ħin tal-Film: 136 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12 

    Domnic Torretto u Letty Ortiz jinsabu jgawdu qamar il-għasel, waqt li Brian u Mia illum il-ġurnata, huma rtirati bħal kumplament tat-tim li fil-passat kienu jduru madwar id-dinja għat-tlielaq tal-karrozzi veloċi. Illum kollha jinsabu jgħixu ħajja normali. Dan kollu kellu jinbidel meta mara misterjuża, magħrufa biss bhala ‘Cipher’, tisforza lil Dom biex jingħaqad magħha fil-ħajja kriminali u terroristika li hi kienet determinata li tmexxi bil-ħsieb li tiddomina d-dinja bl-akkwist ta’ arma ta’ qerda tal-massa. Dom sfortunatament ma kienx f’qagħda li jgħid le, minħabba l-fatt li hi kellha provi biżżejjed kontra tiegħu biex tikkompremettih fuq dak li għamel fil-passat. Għal Dom din l-aċċettazzjoni, li kontra qalbu kellu jidħol għaliha, kien ifisser li kellu jmur kontra sħabu li għal tant snin ħadem magħhom. Min-naħa l-oħra, t-tim ma kellux alternattiva ħlief li jintrabat ma’ Mr. Nobody u Eric Reisner biex b’hekk joffru oppożizzjoni lil Dom u lil Cipher u jwaqqfuhom fil-ħsieb tagħhom. Kien jidher biċ-ċar li dawn riedu jieħdu taħt idejhom l-qawwa nukleari Russa. Cipher kellha fil-pussess tagħha ajruplan AWACS li minn fuqu kienet kapaċi żżomm kontroll fuq dak kollu li kien jiġri fid-dinja. Ġara li f’dawk il-jiem, il-ministru Russu kien fi żjara ġewwa New  York. Dan il-fatt kien ifisser li issa kien iċ-ċans li Cipher u Dom jieħdu taħt idejhom ‘iċ-ċavetta’ għal din l-arma distruttiva li dan il-ministru kien qiegħed iġorr miegħu. It-tim għalhekk magħmul minn Luke Hobbs, Jason Statham, Dwayne Johnson, Roman Pearce, Chris Bridges, Frank Petty flimkien ma’ mart Dom Letty u Deckard Shaw, darba waħda opponent tat-tim, jingħaqdu biex ma jħallux dan il-pjan li jseħħ. Żgur ma kienitx sejra tkun faċli għalihom  l-aktar li kellhom jigi wiċċ imbwiċċ ma’ Dom  u Cipher.  Tgħid jirnexxielhom jwaqqfu lil Dom u lil Cipher li jieħdu f’idejhom din l-arma perikoluża?

    Film Amerikan mimli azzjoni, hu taħt id-direzzjoni ta’ F. Gary Gray u kitba ta’ Chris Morgan. Dawk li jħobbu dawn it-tip ta’ films, u dan il-film hu t-tmin wiehed minn din is-sensiela,  għandhom xalata, bi storja tajba u interessanti. Minħabba vjolenza, kliem goff kif ukoll profann, ikun tajjeb li l-film jarawh  dawk li għalqu t-tnax–il sena.