-
***
Direttur: Debbie Isitt
Atturi: Simon Lipkin, Craig Revel Horwood, Daniel Boys, Anna Chancellor, Helen George, Cella Imrie, Ruth Jones, Hugh Dennis, Jessica Hynes u Meera Syal
Ħin tal-Film: 105 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: U
L-istudenti ta’ St. Bernadette’s Primary School ġewwa Coventry, fuq l-inizjattiva ta’ Mrs. Keen, il-kap tal-iskola, bdew jħejju ruħhom biex jieħdu sehem għall-unur ta’ Christmas Town of theYear. Mr. Johnson, l-għalliem tagħhom, għalkemm fil-bidu ħass li l-biċċa xogħol afdata f’idejh ma kienitx faċli. Iżda t-tfal tal-klassi, daħlu għaliha b’entużjażmu kbir. Biex Mr. Johnson jagħmel kuraġġ, Mrs. Keen ħalliet lil Jerry Poppin jghinu fit-tħejjija għal Rock Opera li kienu bi ħsiebhom ittellgħu għall-Milied, bl-isem ta’ Nativity Rocks. Jerry kien l-oppost ta’ Mr. Johnson, mimli ħajja, kollu ċajt u barra minn hekk kellu wkoll talent mhux biss mużikali iżda wkoll kien jaf jqajjem entużjażmu fost l-istudenti. Waqt it-tħejjija, l-kap tal-iskola introduċa lill-klassi lil Doru, tifel Sirjan li ftit jiem qabel, flimkien ma’ missieru u Sirjani oħra daħlu fl-Ingilterra bil-moħbi. Sfortunatament, hekk kif niżlu minn fuq id-dingi, Doru nfired minn missieru u sab ruħu ġewwa Coventry waqt li missieru u sħabu, spiċċaw f’belt oħra. Doru b’xorti tajba jsib lil Miss Shelly, social worker tieħu ħsiebu u anke li ssiblu, għal ftit ġimgħat, familja biex tieħu ħsiebu sakemm jinstab missieru. Doru għalkemm kien xi ftit konfuż, malajr għamel ħbieb mal-istudenti tal-iskola li mill-ewwel tawh merbħa u aċċettawh fosthom. Waqt il-tħejjija, l-kap tal-iskola anke ħasbet biex takwista s-servizzi ta’ Emmanuel Cavendish li kien kiseb fama bħala attur u kantant. Il-problema kienet li fil-passat, Cavendish ma kienx jaħmel lil Jerry u spiss kien ikollhom xi tilwima. Jerry sadanittant, kien ha nteress kbir f’Doru u beda għamel minn kollox biex dan it-tifel sfortunat jikseb ftit kunfidenza. Jerry anke rrnexxielu jinkoraġġixxi ħbiberija speċjali ma’ Barnaby, tifel li kien ġej minn familja sinjura ħafna iżda li sfortunatament, il-ġenituri ma tantx kellhom ħin għalih. Barnaby kien qiegħed jiġi mrobbi minn nanny. Doru jsib f’Barnaby ħabib sinċier u darba anke ħadu miegħu fid-dar lussuża li kien jgħix fiha. Sadanittant, x’kien sar minn missier Doru? Tgħid ir-Rock Opera: Nativity Rocks tkun suċċess?
Film Ingliż, kummiedja mużikali, hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Debbie Isitt. Għalkemm ir-rock opera: Nativity Rocks mhux fidila wisq mal-istorja kif nafuha aħna, iżda nżammet qrib ħafna għal dak li smajna għal tant snin. Hi kummiedja ħelwa u b’mużika rock li ghandha togħgob lil kulħadd.