Daqs jumejn ilu Malta u Għawdex, li lanqas int ma ħlomt li kellek tinkalja magħhom, regħdu kullimkien b’sinjal ta’ festa lilek. Il-qniepen tal-knejjes tagħna ma waqfux idoqqu bil-ferħ f’jum il-festa ta’ meta nkaljat ruħek ma’ xtutna.

Pawlu, Pawlu, li l-Mulej biddillek ismek minn Sawlu. Għadni niftakar wieħed mill-Patrijiet tagħna, Alla jaħfirlu, jgħidlek b’dak il-leħen solenni tiegħu: Pawlu Sawlu! Dan ismek li kien iriegħed il-kunvent tal-Furjana fejn kont student għal sitt snin sħaħ. Iwa! Pawlu u Sawlu! Imma, u lil hinn minn kull solennità jew l-iċken nitfa ta’ preżunzjoni li ma rridhiex fuq ħaddieħor u wisq aktar fuqi, aktar inħobb insejjaħlek Sawlu u Pawlu. Sawlu. Għax ismek Lhudi kien ifisser wieħed li għalih qed jitolbu. Min jaf meta kont preżenti għat-tħaġġir ta’ Stiefnu u dawk li ħaġġruh poġġew ħwejjiġhom f’dirgħajk kemm dan ħuna talab għalik! Int taf x’talab għax hemm kont. Rajthom jifqgħuh bil-ġebel filwaqt li kont taqbel ħaġa waħda magħhom għal dan il-qtil feroċi. Isma’ x’talbu lill-Mulej għalik u għalihom: Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub (Atti 7:60).

Nistħajjel lis-Sema tabilħaqq jitqanqal quddiem din ix-xhieda tax-xhidiet. Hemm arah lil Stiefnu. Ir-raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu li, b’għajnejh fis-sema, ra l-glorja ta’ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla (Atti 7:54). Mhuwiex ir-raġel maqtugħ mid-dinja u ma jafx x’laqtu! Xejn minn dan! Anzi! Jaf x’laqtu u qed jgħix fid-dinja! Qalilhom mingħajr tlaqliq il-ġemgħa fanatika għar-reliġjon tagħhom: Ja nies ta’ ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu. Kif għamlu missirijietkom, qegħdin tagħmlu intom ukoll. Lil min mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom? Huma qatlu lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja ta’ dak il-Ġust li issa intom stess ittradejtuh u qtiltuh, intom, li rċevejtu l-Liġi minn idejn l-anġli, u ma ħaristuhiex (Atti 7:51-53).

Iż-żelu li kellek għall-liġijiet u għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietek għamlek parti minn dil-ġemgħa midgħajja li jidgħu bl-Ispirtu s-Santu. Għax min ma jiftaħx qalbu għall-Ispirtu s-Santu u jagħmel dak li jgħidlu moħħu u jagħżel li jitmexxa minn ta’ madwaru u mhux minn dak li jrid minnu l-Mulej hu l-midgħi kontra l-Ispirtu s-Santu. Imma, it-talb ta’ Stiefnu, li kien il-vittma tal-ġemgħa midgħajja li magħhom isseħibt, nifed is-sema, laqqgħek ma’ Kristu personalment u biddlek.

B’tali mod li minn bniedem magħluq f’Ġerusalemm, belt tassew żgħira, ħadek mad-dinja kollha ħa xxandru. Minn bniedem protett u ta’ pożizzjoni għamlek l-aktar vulnerabbli u dejjem fil-mira biex tiġi ippersegwitat. Mhux għalhekk li mhux l-ewwel darba li ppruvaw joqtluk. U dan kollu l-għaliex ħallejt lill-Mulej Ġesù iwaqqgħek miż-żiemel tal-kburija tiegħek u jagħmel Pawlu, li tfisser ċkejken jew umli.

Kos Pawl hux! Fejn tieħdok iċ-ċkunija u l-umiltà! Kemm tagħmlek bniedem kbir! Kemm tagħmlek bniedem li tipprova tiddjaloga ma’ kulħadd! Kemm tagħmlek bniedem li ma twarrab lil ħadd! U veru! Int li kont magħluq bejn l-erba’ ħitan tar-reliġjon Lhudija, marsus mit-tradizzjonijiet kollha li titlob il-liġi ta’ missirijietek, sibt ruħek tgħum fid-dinja tant kbira u sabiħa tal-pagani. Int li kellek moħħok mistrieħ minn dak li kienet tgħidlek il-liġi ta’ Mosè issa rajt lilek innifsek tiġi mmexxi f’postijiet li int stess lanqas qatt ħlomt bihom u li se tkun fihom.

Kemm nitfarraġ Pawl, ta’ kull sena, meta naqra fil-kitba ferm sabiħa li ħallilna Luqa fl-Atti tal-Appostli, dan il-kliem li ma jmut qatt: In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’ Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27:21-26).

Hemm int Pawl! Il-pjan tiegħek kien li tibqa’ Kreta minħabba l-maltemp li kien hemm. Għax Kreta kienet is-sigurtà tiegħek. Kienet il-post fejn int kont qiegħed tajjeb u moħħok mistrieħ. Imma x’wassalhom Pawl biex sħabek jibdlu r-rotta? Li naf żgur hu li għall-istrateġija tagħhom kien hemm pjan ieħor li kien qed jinħema minn wara l-kwinti. Liema pjan l-anġlu tal-Mulej għarrfek fuqu b’qawwa kbira. Int kellek tagħti xhieda quddiem id-dinja li int ta’ Kristu Ġesù. U din ix-xhieda kellek tagħtiha mhux quddiem ċikku l-poplu imma quddiem l-imperatur Ċesari! Imnalla ħallejt lil sħabek jitilqu minn Kreta, kontra kull parir tiegħek, għax dak Alla li int tlaqt lilek innifsek f’idejH, issa kien se jsalva lilek u lilkom f’daqqa. Għax dak hekk jaħdem!

U wasalt hawn, fostna, mhux fuq tapit aħmar u kollu fjuri. Ma kellekx l-ambaxxaturi u l-banda tal-forzi armati biex jilqgħuk. U, safejn naf jien, lanqas ġabulek xi pjanta ħa tberikha hekk kif tiżbarka. Int ġejt fostna fl-eħrex tempesta. F’baħar li jrid jibla’ l-art. Miġjietek fostna kienet kbira. Għax int inkaljajt fuq xtutna meta l-kundizzjonijiet tat-temp u tas-sigurtà tiegħek stess kienu WILD! Tal-ġungla! Imma xorta ġejt! U f’dawk u minkejja dawk il-kondizzjonijiet tal-ġungla x’għamilt Pawl jekk mhux li ħallejt lill-Mulej jagħmel il-ġid bik?

Isma’ x’jgħidilna fuqek l-Atti tal-Appostli: F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Wrewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu (Atti 28:7-10).

Fl-għażiż pajjiżna int Pawl ma ġejtx irrappurtat li għedt kelma li hi kelma. Imma kelmtek kienet għemilek stess. U x’għamilt b’għemilek? FEJJAQT! Ma nsibu l-ebda kelma li ippriedkajt. Biss ħaġa ngħidlek Pawlu: Possibbli int, li ktibt tant ittri, li tkellimt b’tant qawwa, li kont fi triqtek għal għand Ċesari f’Ruma, int f’din in-nitfa t’art fettillek tibqa’ sieket? Ma fendejtx kelma? Minix xi storjografu naf imma lanqas taħbattli mal-kantunieri ta’ moħħi li ma ħallejtx lill-Mulej jużak anki bi kliemek fostna biex twasslilna kelmtU li tfejjaq. Mela int kont se tissapporti ma tgħidx xejn!

Mela anki illum Pawl, wara elfejn sena ta’ storja, u wara li dan il-pajjiż qed jara u se jibqa’ jara bidliet kbar, tħalliniex nibżgħu minn dellna, aħna li ngħidu li nħobbu lil Ġesù bħalek u li niftaħru li int nissiltna fil-fidi. Pawl, itlob għalina ħa nkunu ċkejkna u umli. U, bi kliem mimli bl-Ispirtu s-Santu, għinna ma nieqfux inxandru l-kliem mimli fejqan favur id-dinjità ta’ kull persuna, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Itlob għalina ħa nkunu nies li jħobbu, jiddefendu u jippromovu l-familja ta’ raġel, mara u ulied kif turina l-Kelma t’Alla li int xandart, li jiddefendu l-ħajja fil-ġuf tal-omm u f’kull stadju tagħha, inkluż dik misjura mix-xjuħija. Pawl, itlob għalina ħalli nuru l-imħabba ta’ Missierna tas-Sema lejn l-emigranti, min m’għandux saqaf fejn taħtu jista’ jistrieħ u lejn min ma jaqbilx magħna.

Itlob għalina ħa nkellmu, niddjalogaw, naqblu u, fejn hemm bżonn, noġġezzjonaw ukoll, imma f’rispett u fi djalogu fratern ta’ mħabba lejn kulħadd. Għinna nkunu nies miftuħa imma fl-istess ħin ta’ prinċipju. Għax, u dan tista’ tgħidu minn ħajtek stess, Ġesù Sidek u Sidna ma setax jgħidhielna aħjar: Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar (Lq 14:11). Agħmel minna mhux nies magħluqa bejn erba’ ħitan fi gżira mitlufa f’nofs il-Mediterran imma nies li jitħalltu ma’ kulħadd.

Fakkarna li meta nkunu miftuħin, mingħajr ma narmu l-valuri u l-prinċipji nsara tagħna, aħna nkunu qed ngħixu dak li jgħidilna Ġesù fil-vanġelu: Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:13-16).

Grazzi għażiż ħija u missieri Pawlu!

Patri Mario Attard OFM Cap