L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu” (Mal 3:1). Dan hu li naqraw illum fil-Ktieb tal-Profeta Malakija, fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. U jkompli hekk Malakija, jgħid: “Min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher?” (Mal 3:2)
Naraw mill-ewwel il-kuntrast bejn dan il-kliem u dak li seħħ fil-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Meta Ġużeppi u Marija ħadu lil Ġesù fit-tempju, hemmhekk ħaduh tarbija li ġarrewha magħhom, u hemmhekk daħlu b’din it-tarbija fit-tempju. L-ewwel darba li Ġesù daħal fit-tempju, daħal tarbija dgħajfa merfugħa minn ommu u l-missier putattiv tiegħu. F’kuntrast ukoll ma’ dak li smajna anke fis-Salm, meta jgħid: “Intrefgħu, bibien, infetħu… ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja” (Salm 24:7). Ara kif daħal fit-tempju! Bl-aktar mod ordinarju, bħala tarbija.
Ġużeppi u Marija għamlu dan għax dak iż-żmien hekk kienet tgħid il-liġi: li wara erbgħin jum, it-tifel jiġi ppreżentat lill-Mulej fit-tempju. Fil-fatt, erbgħin jum wara t-twelid ta’ Ġesù, ħaduh biex jippreżentawh fit-tempju. Għalhekk niċċelebraw it-2 ta’ Frar, erbgħin jum wara l-Milied. X’kien l-iskop? Meta l-ġenituri kienu jieħdu lit-tifel u jippreżentawh lill-Mulej, l-iskop kien li qed joffru dan it-tifel lill-Mulej b’ringrazzjament tar-rigal li tahom, u biex jagħrfu li l-Mulej għandu jkun dak li jmexxih fil-ħajja. Kull tifel kien ippreżentat b’dan l-iskop: il-Mulej issa hu s-Sid tiegħek, int ikkonsagrat lilu. Hu għandu jmexxik fil-ħajja tiegħek, hu għandu jkun id-dawl tal-ħajja tiegħek.
Hawnhekk, naturalment, din il-ġrajja tieħu xejra oħra, għax dak li kien qed jiġi ppreżentat kien Ġesù nnifsu. Anke jekk daħal bl-aktar mod ordinarju, merfugħ bħala tarbija, hemmhekk insibu lil Xmun, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, li jagħrfu bħala dak li jsalva lill-ġnus: “dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek, Israel” (Lq 2:32). Xmun minn barra ra tarbija normali, bi tnejn min-nies magħha. Ma rax xi ħaġa ta’ stagħġib. Imma għaraf li dik kienet id-daħla tal-Mulej fit-tempju. Hekk daħal. Imma dak kien is-Salvatur, dak kien id-dawl għall-ġnus. U għalhekk Xmun jgħid ukoll, meta jħabbar dak li se jiġri ’l quddiem, li Ġesù kien se jkun “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34), sinjal ta’ kontradizzjoni, sa mill-ewwel mument, għax anke kif daħal fit-tempju kien ta’ kontradizzjoni għal kif kienet l-istennija ta’ dan is-Sid li għandu jidħol bil-glorja u bil-qawwa fit-tempju.
X’turina din il-festa għall-ħajja tagħna llum? L-ewwel nett turina li aħna għandna nagħrfu lil Ġesù bħala s-Salvatur tagħna, id-dawl li jmexxi lil ħajjitna. Meta rċevejna l-magħmudija, aħna ġejna kkonsagrati lill-Mulej. Ħafna minna tgħammidna meta konna żgħar, trabi. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-magħmudija, hemm mument meta l-missier jixgħel xemgħa mill-blandun, li jfisser Ġesù Kristu Rxoxt, biex juri proprju dan: Ġesù hu d-dawl, u aħna nieħdu d-dawl minnu, ħalli din it-tarbija tgħix tassew marbuta ma’ Ġesù li hu d-dawl. Għalhekk aħna rċevejna din il-missjoni fil-magħmudija tagħna: li aħna nkunu mmexxijin mid-dawl ta’ Ġesù, biex aħna stess nistgħu nkunu dawl għall-oħrajn permezz tal-ħajja tagħna.
Irridu niftakru wkoll li dan kollu jiġri fit-tempju: hemmhekk ġie ppreżentat il-Mulej, fit-tempju. U aħna llum hemmhekk ukoll niltaqgħu b’mod speċjali ma’ Ġesù s-Salvatur tagħna: fit-tempju jiġifieri l-knisja. Fil-knisja niltaqgħu ma’ Ġesù, biex hu jkun id-dawl għal ħajjitna. Hemmhekk aħna għandna din il-grazzja speċjali: li nagħrfuh fl-Ewkaristija u nirċevuh fl-Ewkaristija. Kemm kienet sabiħa għal Xmun li jista’ jaqbad it-tarbija f’idejh u fiha jagħraf is-Salvatur. U kemm hi sabiħa għalina: meta aħna nirċievu l-Ewkaristija, ikollna lil Ġesù f’idejna biex nistgħu nirċevuh fina, ħalli jkun tassew id-dawl għal ħajjitna. Ejjew illum infaħħru lil Alla, bħalma għamlet il-profetessa Anna li faħħret lill-Mulej. F’din l-okkażjoni speċjali nitolbuh biex ikun id-dawl għal ħajjitna, dak li lilna jsalvana, u jmexxina dejjem fit-triq tas-sewwa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta