
Ippermettuli ngħidilkom grazzi, grazzi ta’ kull ma’ tagħmlu. Il-ġublew jiġi mhux biss biex nerġgħu niskopru l-imħabbiet tal-bidu, l-għeruq tas-sejħiet tagħna imma wkoll biex niġġeddu, biex inħarsu lejn il-missjoni tagħna b’tama, b’entużjażmu u nħarsu wkoll lejn il-futur b’sens kbir ta’ gratitudni u ta’ fedeltà lejn Alla.
Nixtieq ngħidilkom grazzi. Huwa d-dover tiegħi li ngħid grazzi lilkom għeżież katekisti tagħna. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil kull min qasam l-esperjenza tiegħu. Wara kollox dan huwa suġġeriment tiegħi, ħsieb wieħed biss, nitolbu għaliex mingħajr talb, il-katekeżi tagħna tkun sterili. Nitolbu li l-Mulej jinqeda bina biex ħafna nies jiltaqgħu miegħu għax il-qofol tal-esperjenza tal-katekeżi, tal-evanġeliżazzjoni hija li l-bniedem jiltaqa’ mal-aħbar it-tajba t’ Alla li jħobbu, li jħenn għalih, li f’ibnu li sar bniedem, li bata għalina u rxoxta, hemm it-tama, hemm il-ferħ, hemm il-paċi.

Kemm ħadt pjaċir ninnota wkoll li fl-esperjenzi li qsamtu, Ġesù kien il-protagonista. Tkellimtu dwar l-esperjenza tagħkom liema esperjenza hija ċċentrata fuq il-ħajja ta’ Ġesù u hekk għandu jkun. Nitolbu li niċkienu aħna, hawn min faċli iżjed jiċkien għax diġà żgħir, niċkienu aħna biex jikber hu. Il-paċi magħkom!




