“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani.” Luqa 4:18

Fil-ħames Ħadd tar-Randan nisimgħu dwar ir-rakkont tal-qawmien ta’ Lazzru. 

Iż-żejt huwa simbolu tal-fejqan u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Fil-kultura Lhudija, iż-żejt kien jintuża biex jippreparaw il-ġisem għad-difna. Insibu wkoll li fit-Testment il-Ġdid, id-dixxipli kienu jużaw iż-żejt biex ifejqu l-morda, li fil-Knisja Kattolika għadna nagħmluha sal-lum bis-sagrament tal-griżma tal-morda għax nemmnu li ż-żejt imqaddes isaħħaħ l-ispirtu u l-ġisem, kif ukoll jaħfer id-dnubiet. 

Naraw ukoll li ż-żejt kien jintuża għal dawk magħżulin minn Alla, bħal meta l-profeta Samwel dilek lil David biex ikun re. Fil-Knisja Kattolika dan is-simbolu narawh fl-ordinazzjoni tal-qassisin, fejn jintuża ż-żejt bħala simbolu ta’ konsagrazzjoni u barka għax ikunu qed jagħtu ħajjithom lill-Mulej, mibgħuta fl-evanġelizazzjoni u għall-akkumpanjament fil-Knisja.

Fis-sagrament tal-griżma nemmnu li bid-dilka taż-żejt, nirċievu l-qawwa speċjali tal-Ispirtu s-Santu. Għal ħafna minna però għaddew is-snin mindu rċivejna l-griżma, u faċli ninsew li l-Ispirtu s-Santu għadu jgħix ġo fina. 

Kultant forsi naħsbu li qegħdin wisq ’il bogħod minn Alla biex nerġgħu mmorru għandu jew hemm partijiet f’ħajjitna li nikkunsidrawhom bħal ‘mejta’, u bla tama li qatt jistgħu jkunu aħjar. Saħansitra naslu nemmnu li dawn saru parti mill-identità tagħna. 

Iżda Ġesù, bil-poter tiegħu fuq il-mewt, jiġi b’qawwa li tkisser il-ktajjen ta’ dak li jxekkilna, u dan iseħħ biss jekk noffrulu d-dgħjufijiet tagħna. Bħalma Ġesù fetaħ il-qabar ta’ Lazzru, jista’ wkoll iġib ħajja, fejn hemm il-‘mewt’ f’ħajjitna. Il-mumenti ta’ disperazzjoni jistgħu jsiru sors ta’ tama ġdida jekk inħallu lil Ġesù jaħdem ġewwa fina, anki, jekk il-proċess ta’ tiġdid jista’ jieħu ż-żmien. 

U hawn forsi jqumu d-domandi: għala Ġesù ħa erbat ijiem biex qajjem lil Lazzru mill-mewt? Ma setax qajmu mill-ewwel? U bl-istess mod, għala ma jgħinniex fid-diffikultajiet tagħna mill-ewwel? 

Mhumiex mistqosijet faċli u forsi it-tweġiba mhux dejjem ċara jew komda. U hawn fejn tidħol il-fidi. Alla għandu l-istampa sħiħa ta’ ħajjitna. 

X’nista’ noffri minn ħajti ’l Ġesù biex ma nibqax inġorr il-piż waħdi, ħalli jġib il-ħajja fejn hemm il-mewt u t-tama fejn hemm id-disperazzjoni?