Mattew 26,14-25

Mbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?” U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Fl-ewwel jum ta’ l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta’ l-Għid?” U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, ‘Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla ta’ l-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.’ ” Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid. Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini.” Huma bdew isewwdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?” U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn !” Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi?” Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu.”