Ġwanni 11,45-56

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih. Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna.” Imma wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: “Intom ma tafu xejn. Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu.” Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu, u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin. Minn dak in-nhar ‘il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh. Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f’nofs il-Lhud, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u qagħad hemmhekk mad-dixxipli tiegħu. Kien wasal l-Għid tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni. Huma fittxew lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: “Intom x’taħsbu? Tgħid, jitla’ għall-festa?” Issa l-qassisin il-kbar u l-Fariżej taw ordni li, jekk xi ħadd ikun jaf fejn qiegħed, imur jgħidilhom, biex huma jiġu jarrestawh.