Caritas Malta flimkien mal-Fondazzjoni Oasi, jinsabu ferm konċernati li l-proposta ta’ qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-kannabis, kif ippreżentata mill-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, fis-6 ta’ Ottubru 2021, tmur oltrè minn dak li ġie ppreżentat fil-White Paper u jikkontempla wkoll id-distribuzzjoni tal-kannabis minn assoċjazzjonijiet għall-użu rikreattiv. Flimkien mal-proposti l-oħra dwar il-pussess u l-kultivazzjoni, dan hu pass ieħor lejn iktar normalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis, iżid il-perċezzjoni liż-żgħażagħ li l-kannabis m’għandhiex perikli, u li eventwalment ikompli jiżdied l-użu.

Il-pajjiż qiegħed f’punt l-iktar kritiku biex jiddeċiedi jressaqx il-kannabis lejn il-kategorija ta’ sustanzi bħall-alkoħol u t-tabakk (sigaretti). L-alkoħol u s-sigaretti, li huma droga li tista’ taċċessa legalment, jitqiesu bħala l-iktar żewġ sustanzi li jikkawżaw danni fis-soċjetà tagħna f’terminu ta’ saħħa. Id-dibattitu tal-kannabis qatt ma kien wieħed iswed fuq l-abjad, però finalment kull pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis jesponi lis-soċjetà tagħna għall-iktar ħsara milli ġid.

Insostnu l-pożizzjoni li bħala soċjetà m’għandna qatt nippromwovu u niffaċilitaw b’mod dirett jew indirett l-użu tal-kannabis (u drogi oħra), u naħdmu bla waqfien biex ninkoraġġixxu ħajja sana u wkoll għażliet sani ta’ rikreazzjoni.

Dawn huma gruppi li jinsabu f’riskju b’dawn il-proposti:

  • L-użu fit-tul tal-kannabis iżid ir-riskju tal-Alzheimer iktar ’il quddiem fil-ħajja. Bit-tneħħija ta’ kwalunkwe sanzjoni sa 7g u bil-pussess ta’ erba’ pjanti, u anke l-aċċess għall-użu permezz ta’ klabbs soċjali jistgħu b’mod involontarju jsaħħu l-użu anki fuq dawk magħrufa li jużaw il-kannabis b’mod soċjali.
  • L-użu fit-tul tal-kannabis jaffettwa partijiet mill-funzjonijiet tal-moħħ marbuta mal-memorja u mal-funzjonijiet intellettwali, u li dawn ma jerġgħux lura għan-normal meta jitwaqqaf l-użu.
  • In-normalizzazzjoni tal-użu tas-sustanza hu partikolarment perikoluż għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-użu tal-kannabis mill-adolexxenti joħloq ħsara devastanti fuq il-moħħ. Din hi inkwetanti b’mod speċjali meta l-kannabis tista’ tagħmel ħsara fl-adolexxent fil-kapaċità tiegħu għat-tagħlim u t-twaqqif tal-iżvilupp tal-moħħ. Barra minn hekk wieħed minn kull sitt adolexxenti li jużaw il-kannabis jistgħu jiżviluppaw dipendenza fuq is-sustanza (WHO, 2016).
  • Il-persuni dipendenti se jsofru. Filwaqt li nirrikonoxxu li mhux kull min juża l-kannabis eventwalment se jiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis jew sustanzi oħra, mill-esperjenza tagħna rajna li kważi kull persuna b’dipendenza serja bdiet bil-kannabis. Hu stmat li wieħed minn kull għaxar adulti li bdew jużaw il-Cannabis meta kienu adulti żviluppaw dipendenza sħiħa fuq il-kannabis (WHO, 2016). Persuni li sfaw dipendenti fuq l-użu tal-kannabis jew sustanzi oħra, se jsibu iktar diffikultà biex inaqqsu l-użu tagħhom f’ambjent legali permessiv u se tkun iktar diffiċli għalihom biex jieqfu.
  • Il-familji li jgħaddu minn tbatijiet ma’ qarib li hu dipendenti fuq il-kannabis jew sustanzi oħra, jgħaddu minn tensjoni u taħbit enormi biex jimmotivaw lil dawk għeżież għalihom biex ifittxu l-għajnuna. Ġenituri u msieħba ta’ persuni li jużaw il-kannabis, diġà qed jesperjenzaw sens ikbar ta’ disprament, meta dawn l-għeżież jesprimu li l-kannabis hu dritt ta’ persuna u “daqt tkun legalizzata”.
  • Persuni li qed jirkupraw mid-droga jkomplu l-vjaġġ tagħhom tul ħajjithom. Dawn se jiffaċċaw riskju ta’ relapse, li jerġgħu jaqgħu, meta ffaċċati b’approċċ iktar permessibbli u possibbilment iktar esponiment ta’ kultivazzjoni ta’ pjanti u sustanza fid-djar.
  • Dawk predisposti għall-problemi ta’ saħħa mentali se jsofru. Porzjon mill-popolazzjoni li hi ġenetikament predisposta li tiżviluppa kundizzjoni psikotika bħal skizofrenija, hu f’riskju iżjed li jkollhom din il-kundizzjoni bl-użu tal-kannabis. Dawn in-numri se jiżdiedu proporzjonalment b’aktar użu.
  • Il-movimenti favur il-liberalizzazzjoni użaw l-argument li dik il-frotta pprojbita tattira u tinstiga iktar liż-żgħar biex jużaw is-sustanza sforz l-eċitament għax qed tagħmel attività illegali. In-normalizzazzjoni tal-konsum tal-kannabis mhux se jtemm din id-dinamika għax sustanzi oħra jieħdu r-rwol tal-frotta projbita u pront iżid l-użu f’dawn is-sustanzi.
  • Nibqgħu nittamaw li f’dan l-istadju ssir diskussjoni serja, u nappellaw lill-Awtoritajiet u l-partiti politiċi biex iqisu sew il-prezz li jkollha tħallas is-soċjetà, it-tfal u l-familji tagħna u dawk li l-iktar se jintlaqtu ħażin minn dawn il-proposti.
  • Aħna nibqgħu impenjati biex il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom ħajja aktar b’saħħitha ’l bogħod mill-użu tad-droga.