
Il-Katidral Metropolitan tal-Imdina ser ikun xhieda ta’ esperjenza mużikali ta’ livell għoli nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru 2025, fis-20:00. F’dan l-ambjent sagru u storiku, il-Banda Trinità Qaddisa tal-Marsa, taħt id-direzzjoni tal-Maestro David J. Sammut, ser tippreżenta l-Requiem – il-kapolavur immortali tal-kompożitur rinomat Wolfgang Amadeus Mozart.
Għall-ewwel darba f’Malta, dan ix-xogħol monumentali ser jiġi interpretat minn banda Maltija ġewwa l-Katidral Metropolitan, il-ġawhra spiritwali tal-Malta. Din l-okkorrenza ser toffri mument ta’ importanza mużikali u kulturali straordinarja, fejn il-maestà tal-mużika klassika ta’ Mozart tgħaqqad ruħha mal-serenità u l-qima ta’ dan l-ispazju sagru.
Il-Requiem ta’ Mozart huwa meqjus bħala wieħed mill-ikbar eżempji ta’ espressjoni artistika u spiritwali, jiddistingwi ruħu għall-fond emozzjonali tiegħu u għall-kapaċità li jqanqal sens ta’ riflessjoni u kontemplazzjoni. Il-preżentazzjoni tiegħu fil-Katidral tal-Imdina hija stedina biex wieħed japprezza s-sbuħija tal-fidi u tal-arti li jingħaqdu f’esperjenza unika u ta’ valur spiritwali għoli.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta tħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal din il-lejla mużikali li twiegħed li tkun tifkira ta’ qima, emozzjoni u eċċellenza artistika.
Post: Katidral Metropolitan, L-Imdina
Data: Il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru 2025
Ħin: 20:00




